Lokali Qorti

Jingħata l-pleġġ raġel akkużat bi traffikar ta’ 146 kilo kokaina

Raġel ta’ 31 sena residenti ż-Żejtun ingħata l-ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ ta’ sejba ta’ 146 kilogramma ta’ kokaina fil-Port Ħieles, liema qabda ta’ droga hija stmata li ġġib mal-€20 miljun fit-triq. Id-droga kienet inqabdet f’Novembru li għadda.

Kurt Scicluna kien it-tielet raġel li tressaq il-Qorti b’rabta ma’ dan il-każ. Ir-raġel allegatament huwa involut f’dan iċ-ċirku ta’ kriminalità organizzata f’Malta. B’rabta ma’ dan l-arrest, il-Pulizija ssekwestrat ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti, karozzi lussużi u ġojjellerija. Huwa ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €40,000 u garanzija personali ta’ €60,000.

Kurt Scicluna qed jiġi akkkużat bi traffikar tad-droga, ħasil ta’ flus u kriminalità organizzata u li sar riċediv. Scicluna, li qal li huwa kok li jaħdem għal rasu, qed iwieġeb mhux ħati. Il-Maġistrat Elaine Rizzo laqgħet it-talba tad-difiża minkejja l-oppożizzjoni minn naħa tal-Avukat Ġenerali, minħabba l-biża’ ta’ kontaminazzjoni tal-provi.

Il-Qorti qalet li l-istadju li waslu dawn il-proċeduri u n-natura tal-akkużi, anke hekk huma gravi, hi tinnota li skont il-ġurisprudenza Maltija u anke Ewropea, in-natura tar-reati waħedha, anke jekk ta’ natura serja, mhijiex biżżejjed sabiex l-akkużat ma jingħatax il-ħelsien mill-arrest.

Anke jekk il-prosekuzzjoni qed tgħid li għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha fuq il-każ, il-fatt li l-każ ilu minn Novembru li għadda, dan għandu jobbliga lill-prosekuzzjoni li tmexxi l-każ b’aktar ħeffa. Il-Qorti diġà semgħet kif id-droga tpoġġiet fi xkejjer sofor immarkati bl-aħdar u bl-aħmar biex jiskappaw mill-kontrolli tal-fruntiera tal-merkanzija. Id-Difiża ta’ Scicluna ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest u hu nżamm arrestat. Il-Qorti laqgħet talba għal ordni ta’ iffriżar kontra Scicluna.

Kien fit-13 ta’ Novembru, meta erbat irġiel ġew arrestati wara li nqabdu b’146 kilo droga li kienet destinata għas-suq lokali. Fl-ispezzjonijiet tagħha fil-Port Ħieles, il-Pulizija wettqet operazzjoni b’suċċess li wasslet għall-arrest ta’ erba’ persuni kif ukoll konfiskazzjoni ta’ din id-droga, allegatament kokaina.

Dan seħħ it-Tlieta 12 ta’ Novembru għall-ħabta tas-1.40pm hekk kif it-trailer kien ħiereġ mill-Port Ħieles. Fit-tfittxija tagħha, il-Pulizija sabet 105 kilogrammi kokaina fil-kabina wara s-seats tax-xufier u l-passiġġier, kif ukoll f’kontejner fejn instabet 41 kilogramma suspettata kokaina.

Il-Qorti imponiet diversi obbligazzjonijiet fil-konfront tal-akkużat li jinkludu li ma jsifirx minn Malta, li jidher dejjem il-Qorti meta mitlub, li ma jikkommettix reat ieħor, li jirraporta fl-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun kuljum bejn it-8am ut -8pm, u li jiritira d-dar mhux iktar tard mill-10pm u ma joħroġ qabel is-6am u li jżomm il-mobile tiegħu dejjem mixgħul.

L-Ispetturi Lianne Bonello u Mark Mercieca mexxew il-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri u Kevin Valletta. L-avukati Josè Herrera, Matthew Xuereb u Michael Sciriha qed jidhru għall-akkużat.