Colin Schembri
Luxol Sherries Estates 98
Hibernians 101
(24-21)(15-27)(16-21)(33-19)(10-13)
F’partita ta’ livell għoli u emozzjoni pura, Hibernians kisbu rebħa kruċjali 101-98 wara l-ħin barrani kontra Luxol Sherries Estates, biex marru minn fuq fis-serje finali tal-Kampjonat BOV. Luxol wettqu rimonta qawwija fl-aħħar sessjoni wara li kienu minn taħt bi 17-il punt, iżda kienu l-Hibs li żammew il-kalma fil-ħin barrani u ħarġu b’rebħa li tista’ tkun deċiżiva għat-titlu.
Hibernians kienu b’saħħithom fit-tieni u fit-tielet sessjoni, grazzi għal wirja dominanti minn Ivan Demcesen (31 punt, 16 rebound) u Tederick Wolfe (33 punt, 15 rebound). Kienu wkoll aktar effettivi taħt il-boards u fiz-zona, fejn skurjaw 50 punt b’effiċjenza tajba, u għelbu lil Luxol ukoll f’punti minn turnovers u kontroll difensiv. Għal Luxol Darron Howard kien protagonista b’31 punt, filwaqt li Nathan Xuereb (24 punt) u Adam Azzopardi taw sehem importanti wkoll.
Din ir-rebħa poġġiet lil Hibernians pass ‘il quddiem lejn it-titlu, hekk kif issa jkollhom l-opportunità jagħlqu s-serje jekk jirbħu r-raba’ partita il-Ħadd li ġej.
Kienu Luxol li bdew il-partita bl-aħjar mod fejn wara li sofrew l-ewwel basket minn Tederick Wolfe, għamlu run ta’ 13-1 bi trippli ta’ Vukassin Jandric flimkien ma’ Darron Howard. Wara time-out ta’ Narcisio għal Hibs, id-distakk beda jinżel hekk kif Ivan Demcesen u Stefan Simic bi trippla wieġbu għal Hibs. Luxol però kellhom aktar trippli minn Nathan Xuereb u Howard u minkejja l-punti ta’ Neil Cassar għal Hibs, Luxol temmew l-ewwel perjodu fuq quddiem 24-21.
Luxol wettqu xi turnovers fil-ftuħ tat-tieni sessjoni u hekk kif Hibs għamlu l-iskor indaqs Duncan Fenech sejjaħ l-ewwel time-out tiegħhu. Caleb Mccrary u Jean Paul Schembri bi trippla reġgħu poġġew lil Luxol fuq quddiem però Hibs ukoll kellhom trippla minn Cassar biex f’nofs it-taqsima kien hemm parita ta’ 32-32. Demcesen reġa’ poġġa lil Hibs fuq quddiem bil-Luxol jirrispondu b’punti konsekuttivi minn Nenad Bukva u Xuereb. Hawn Hibernians kellhom l-aħjar mument fil-partita meta għamlu run ta’ 12-0 b’diversi punti minn Wolfe u Demcesen flimkien ma’ James Agyeman u marru 9 minn fuq 45-36. Luxol waqqfuhom b’basket ta’ Mcccrary però sal-intervall Hibs żammew il-vantaġġ hekk kif daħlu jistrieħu 48-39 minn fuq.
Fit-tielet sessjoni Luxol naqqsu d-distakk permezz ta’ Howard u Jandric qabel ma Gouder wieġeb bi trippla għal Hibs. Għal Luxol, Xuereb kompla jnaqqas id-distakk, però Hibs kellhom lil Wolfe jirrispondi flimkien ma’ trippla ta’ Matthew Attard u fis-seba’ minuta kienu għadhom 12 minn fuq 62-50. Luxol ma sabux il-basket fl-attakki ta’ wara biex Hibs kabbru l-vantaġġ bit-tieni trippla ta’ Attard b’Fenech isejjaħ time-out ieħor għal Luxol. Trippla ta’ Adam Azzopardi naqqset id-distakk però Demcesen għalaq il-perjodu b’basket fuq assist ta’ Cassar għal skor ta’ 55-69.
Fl-aħħar taqsima wara li Hibs kisbu tliet punti oħra, Luxol għamlu sforz qawwi biex jerġgħu jidħlu fil-partita. Huma kellhom il-punti konsekuttivi minn Howard fosthom trippla flimkien ma’ oħra ta’ Xuereb għal skor ta’ 69-78 fil-ħames minuta. L-emozzjonijiet laħqu l-qofol tagħhom fl-aħħar ħinijiet hekk kif iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu kontinwament lil xulxin bl-iskor tiela’ ġmielhu. Hibs bdew l-aħħar minuta minn fuq 88-83 u bdew iżommu l-pussess għalkemm fallew il-free-throws. Mhux l-istess Adam Azzopardi li b’kalma ta’ veteran għamel 3 minn 3 fl-aħħar 18-il sekonda u naqqas id-distakk għal basket. Agyeman falla 2 free-throws u l-ballun ġie għand Howard li għamel il-lay-up biex ippareġja l-partita 88-88 fl-aħħar 2 sekondi.
Hibs ma skurjawx biex il-partita marret għall-ħin barrani kif ġara fit-tieni finali. Hawn kien Howard li poġġa lil Luxol fuq quddiem, però Hibs wieġbu permezz ta’ Gouder u Demcesen. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet bi trippla ta’ Xuereb però Hibs komplew jagħmlu l-punti mill-free-throw line u fetħu vantaġġ ta’ 4 punti għall-aħħar minuta. Xuereb u Nikola Djakovic bi trippla ppruvaw idaħħlu lil Luxol mill-ġdid fil-partita, però free-throw ta’ Demcesen għalaq il-partita favur Hibs fuq skor mill-isbaħ ta’ 98-101.
Luxol Sherries Estates: D. Howard 28, A. Azzopardi 12, I. Azzopardi, V. Jandric 10, JP Schembri 3, N. Xuereb 24, N. Bukva 2, C. Jones Mccrary 8, M. Matijevic, S. Cappello, N. Djakovic 11.
Hibs: N. Cassar 9, T. Wolfe 33, P. Attard, L. Farrugia, V. Kustodija, A. Axiaq, M. Gouder 10, M. Attard 6, M. Mallia 3, J. Agyeaman 6, I. Demcesen 31, S. Simic 3.
Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Miguel De Flavia
//= $special ?>