Colin Schembri
Starlites JSD 64
Betsson Depiro 69
(19-19)(19-17)(10-17)(16-16)
Betsson Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ fis-sensiela finali tal-kampjonat MAPFRE MSV Life tan-nisa meta għelbu lil Starlites JSD 69-64 f’partita mill-aktar intensa. Tul l-istaġun, Depiro dejjem ħarġu rebbieħa kontra Starlites fosthom il-finali tan-Knock-out u tliet darbiet fil-kampjonat. Starlites eleminaw liċ-champions renjanti Luxol wara żewġ semifinali filwaqt li Depiro kellhom bżonn it-tielet partita kontra Hibernians.
Wara żewġ taqsimiet bilanċjati, Depiro bdew jiġbdu ‘l quddiem fit-tielet sessjoni, grazzi għal wirja oħra impressjonanti ta’ Janai Crooms li temmet il-logħba b’29 punt u 18-il rebound. Starlites ippruvaw jirritornaw fil-partita speċjalment bl-isforzi tal-Amerikana Makaila Napoleon iżda l-effettività ta’ Depiro taħt il-boards u l-konverżjoni aktar effiċjenti fl-attakk kienu kruċjali biex jassiguraw l-ewwel rebħa tas-serje.
Wara li Starlites fetħu bl-ewwel ħames punti tal-partita minn Makaila Napoleon u Mikela Riolo, bdiet ġejja r-risposta ta’ Depiro minn Janai Crooms u Joselle Borg Cardona. Sa nofs it-taqsima Starlites kienu punt minn fuq 10-9 bil-coach ta’ Depiro jsejjaħ l-ewwel time-out. Starlites kabbru l-vantaġġ bi trippla u basket ta’ Sasha Lecuyer li daħlet minn fuq il-bank flimkien ma’ Ylenia Bonett wara steal 17-9. Hawn kienet Crooms li reġgħet wieġbet għal Depiro u għaxar punti konsekuttivi tagħha raw id-distakk jinbidel f’vantaġġ għal Depiro 19-17. Free-throws ta’ Napoleon għamlu l-iskor indaqs eżatt qabel tmiem il-perjodu 19-19.
Fit-tieni taqsima, Starlites fetħu bi trippla ta’ Mikela Riolo u basket ta’ Napoleon biex reġgħu marru minn fuq 25-22. Hawn Naudi għajjat it-tieni time-out tiegħu u b’mod immedjat Depiro ħadu l-vantaġġ għal darb’oħra b’żewġ trippli minn Kristy Galea u Julia Borg 27-28. F’nofs is-sessjoni Crooms ikkomettiet it-tielet foul u kellha tinbidel bi Starlites ikabbru l-vantaġġ bil-punti ta’ Napoleon u Bonett. Iż-żewġ timijiet komplew jirrispondu lil xulxin bil-punti fost l-oħrajn ta’ Riolo u Napoleon għal Starlites u Julia Borg għal Depiro biex fil-halftime Starlites kienu basket minn fuq 38-36.
Wara l-intervall, iż-żewġ timijiet sabu diffikultà biex jagħmlu l-punti speċjalment Starlites li wara kważi sitt minuti logħob ippruvaw seba’ trippli li minnhom m’għamlu xejn. Borg Cardona u Crooms poġġew lil Depiro minn fuq għal darb’oħra 44-42. Starlites kellhom il-punti ta’ Napoleon u Riolo biex baqgħu viċin tal-avversarji għalkemm fl-aħħar minuta kienu biss Depiro li għamlu l-punti permezz ta’ Galea u Crooms biex temmew it-taqsima 53-48 minn fuq.
Fl-aħħar perjodu t-tensjoni bdiet tinħass hekk kif Depiro għamlu l-ewwel tliet punti però sofrew seba’ punti konsekuttivi kontra tagħhom għal skor ta’ 58-55. Depiro reġgħu kabbru l-vantaġġ permezz ta’ Borg Cardona u Croom, però Starlites komplew jirrispondu minn Zammit Cordina u Napoleon. Fl-aħħar minuti Starlites ippruvaw iwaqqfu l-arloġġ bil-fouls, però Depiro ma fallewx il-free-throws biex ħadu l-ewwel rebħa fis-serje finali 69-64.
Starlites JSD: S. Lecuyer 5, M. Riolo 11, C. Cilia, P. Riolo 1, M. Zammit Cordina 6, E. Degiorgio, M. Fenech, M. Napoleon 34, Y. Bonett 7, F. Vella, Y. Ferrando, C. Curmi.
Betsson Depiro: N. Agius, J. Borg Xerri 2, J. Mallia , L. Sciberras, No. Agius, C. Ciantar 4, J. Borg 7, M. Micallef, N. Borg 3, K. Galea 9, J. Borg Cardona 15, J. Crooms 29.
Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nestor Rincon, Nicky Azzopardi.
//= $special ?>