Lokali

Kappillan ġdid fil-Manikata


L-Arċisqof Charles Scicluna qed jafda l-ħidma pastorali tal-Parroċċa ta’ San Ġużepp fil-Manikata, f’idejn Dun Matthew Pulis bħala l-kappillan ta’ din il-komunità. Mons. Arċisqof jirringrazzja lil Dun Peter Paul Sultana tal-ħidma tiegħubħala amministratur f’din il-parroċċa.

Dun Matthew Pulis twieled fit-30 ta’ Lulju 1984. Beda l-mixja għas-saċerdozju fis-Seminarju Maġġuri tal-Arċisqof f’Tal-Virtù fir-Rabat u studja fil-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta fejn iggradwa fil-Filosofija u t-Teoloġija. Kiseb ukoll Masters fit-Teoloġija Diġitali u ieħor fl-Informatika.

Fil-preżent qed jaħdem fuq dottorat fit-teoloġija prattika fl-Università ta’ Vrije f’Amsterdam. Huwa wkoll lettur fil-fakultajiet tas-Social Wellbeing, FEMA u tal-Edukazzjoni, kif ukoll fl-Istitut tal-Formazzjoni Pastorali.

Dun Matthew serva bħala djaknu fil-parroċċi ta’ Wied il-Għajn u Durham fl-Ingilterra. Ġie ordnat saċerdot fis-27 ta’ April 2019 u kompla bil-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċi ta’ Ħad-Dingli (2019) u l-Kalkara (2021). Mill-2021, hu ċ-chaplain talIskola St Joseph, Tas-Sliema.

Il-Parroċċa tal-Manikata tiġbor fiha madwar 1,087 persuna.