Lokali Parlament Saħħa

Konferenza fil-Jum Dinji tas-Saħħa 2025 fil-Parlament ta’ Malta

Ritratt: DOI/SPK

F’konferenza li saret fil-Parlament fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa, li din is-sena ġie ċċelebrat bit-tema “Healthy beginnings, hopeful futures”, id-Deputat Speaker tal-Parlament David Agius tenna l-importanza ta’ impenn kollettiv biex tiġi mħarsa l-ħajja tal-ommijiet u tat-trabi sa mill-ewwel mument.

F’diskors li għamel, id-Deputat Speaker David Agius qal: “Permezz ta’ diskussjonijiet, qsim ta’ esperjenzi, u soluzzjonijiet innovattivi, nistgħu nkomplu nwittu t-triq għal futur fejn jekk jista’ jkun l-ebda omm ma titlef ħajjitha waqt li twelled u ebda tarbija tat-twelid ma tbati jew titlef ħajjitha minħabba nuqqas ta’ kura.”

Hu stieden lill-awtoritajiet, lill-professjonisti tas-saħħa u lis-soċjetà kollha biex ma jħarsux biss lejn il-progress li sar, iżda biex jaħdmu b’viżjoni sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet ġodda. Hu kompla billi qal li s-saħħa materna mhijiex biss kwistjoni medika iżda hija impenn għall-ħajja, u għal ħajja ta’ kwalità. Fakkar ukoll f’dawk l-ommijiet li jitilfu lit-tarbija tagħhom, anke fi stadji bikrin tat-tqala, u qal li t-tbatija tagħhom hija reali u trid tiġi rikonoxxuta.

Intant, il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mix-Shadow Minister Albert Buttigieg.