Il-Knisja f’Malta ppubblikat linji gwida etiċi dwar il-kura tal-anzjani li jenfasizzaw id-dritt għall-ħajja titlob l-mezzi għal “protezzjoni xierqa u l-iżvilupp tal-ħajja” sal-aħħar stadjitagħha.
Id-dokument bl-isem, Care for Elderly Persons in Church and Religious Residential Homes in Malta: Ethical Guidelines, hu mħejji minn grupp ta’ esperti fosthom fl-etika. Dan id-dokument jisħaq fuq id-dmir taċ-ċittadini sabiex jippromwovu d-dinjità tal-persuni anzjani u jirrispettaw il-qdusija tal-ħajja umana mill-mument tal-konċepiment sal-mewt naturali.
Fid-daħla tal-pubblikazzjoni, l-Arċisqof Charles Scicluna, qal: “Il-kwalità tas-soċjetà u taċ-ċivilizzazzjoni li ngħixu fiha tiddependi mis-sensittività għall-bżonnijiet tal-anzjani u l-vulnerabbli. Ħajjithom m’għandhiex tkun sempliċement imtawla, imma onorata, imħarsa u ċċelebrata f’ambjent ta’ kura li mhux biss iżid is-snin lill-ħajja, iżda b’mod aktar deċiżiv ħajja lis-snin.
“Minkejja l-fraġilità u l-vulnerabbiltà tagħhom, l-anzjani m’għandhomx jitqiesu bħala piż fuq is-soċjetà, kif qed jiġu mpinġija bħalissa mill-hekk imsejħa ‘l-kultura tal-iskart’, iżda bħala l-messaġġiera tat-tenerezza … u l-għerf tal-esperjenza ħajja,’ kif irrimarka dan l-aħħar il-Papa Franġisku.” Dan id-dokument gwida tal-Knisja hu maqsum f’sitt kapitli: Valuri Etiċi, Prinċipji uNormi, Prinċipji Bażiċi, Kustodja u Ppjanar tal-Kura bil-Quddiem, Kura Paljattiva, Assessjar Mediku fi Tmiem il-Ħajja, u Regolamenti: Policies u Proċeduri.
Il-koawtur tal-linji gwida u espert ewlieni fil-bijoetika, Mons. Prof. Emmanuel Agius qal li: “L-anzjani għandhom ikunu ħielsa minn kull sfruttament, u abbuż fiżiku jew mentali. Għandhom jiġu ttrattati b’mod ġust u valutati indipendentement mill-kontribut ekonomiku tagħhom fis-soċjetà. Aktar milli niddiskutu s-suwiċidju assistit minn tabib, kif ukoll l-ewtanasja, id-dibattitu pubbliku għandu jiffoka fuq jekk il-pajjiż għandux strateġija b’saħħitha dwar il-kura paljattiva għall-anzjani tagħna għaliex din tgħinhom
jgħixu b’dinjità fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.”
Il-linji gwida jiddikjaraw li l-għan tal-kura multidixxiplinari u medika hu li tipprovdi kura
ħolistika anke meta m’hemmx kura. “It-tobba u l-professjonisti fil-kura tas-saħħa għandhom jevalwaw l-użu xieraq tat-teknoloġija li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom u jiżguraw li r-resident ikun
dejjem iċ-ċentru ewlieni tal-kura. Sabiex jiġi ffurmat ġudizzju morali tajjeb dwar l-użu tat-teknoloġija sabiex tkun sostnuta l-ħajja, għandha ssir riflessjoni fuq id-dinjità tal-bniedem fid-dimensjonijiet kollha tagħha u fuq l-iskop tal-kura medika.”
Il-linji gwida jgħidu wkoll li kull individwu għandu l-obbligu morali li juża mezzi ordinarji
jew proporzjonati biex ikompli jgħix. “Mezzi proporzjonati huma dawk li, fil-ġudizzju tal-anzjan, joffru tama raġonevoli ta’ titjib u ma jġibux magħhom piż eċċessiv jew jimponu spejjeż eċċessivi fuq il-familja jew il-komunità. Mezzi mhux proporzjonati huma dawk li fil-ġudizzju tal-anzjan, ma joffrux
tama raġonevoli ta’ titjib.”
Il-linji gwida jisħqu wkoll li għandha ssir evalwazzjoni medika tajba minn professjonisti
kompetenti qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li persuna tkun waslet fl-aħħar
stadju ta’ ħajjitha. “Dan huwa importanti sabiex jiġu esklużi li jerġa’ jkun hemm fatturi bħalma huma
l-ipotermja, infezzjonijiet, u kundizzjonijiet oħra potenzjalment riversibbli.
“Madankollu, sitwazzjoni ta’ tmiem il-ħajja hija xenarju dinamiku li tista’ tmur f’kull direzzjoni u mhux l-ewwel darba li resident li jkun wasal fl-aħħar ta’ ħajtu jaqleb għall-aħjar. Dan ifisser li minn żmien għal żmien id-dijanjosi ta’ tmiem il-ħajja teħtieġ reviżjoni skont is-sitwazzjoni tar-resident.”
Dan id-dokument jirrakkomanda wkoll li l-anzjani jidentifikaw rappreżentant li jista’ jieħu deċiżjonijiet f’isimhom dwar il-kura tas-saħħa tagħhom f’każ li jaslu fi stat li ma jibqgħux kapaċi jieħdu deċiżjonijiet dwar il-kura ta’ saħħithom huma stess. Barra minn hekk, għandu jkun hemm pjan ta’ kura tajjeb, li ma jkunx f’kunflitt mal-etika Nisranija.
Madankollu, il-linji gwida jwissu li: “Deċiżjonijiet meħuda mir-rappreżentant magħżul għandhom jirriflettu fedelment il-prinċipji etiċi Nsara, kif ukoll ix-xewqat u l-valuri tal-persuna.”
//= $special ?>