Internazzjonali

LVANT NOFSANI: ‘Il fuq minn 30 vittma wara sensiela ta’ attakki f’Gaza

Ritratt: AP News

Tal-anqas 30 persuna tilfu ħajjithom wara sensiela ta’ attakki mill-qawwiet Iżraeljani bil-maġġoranza ta’ dawn il-vittmi sfortunatament huma nisa u tfal.

Skont rapporti internazzjonali l-attakki seħħew f’zoni differenti madwar Gaza fejn fost l-oħrajn intlaqat kamp tar-refuġjati, numru ta’ djar f’Khan Younis kif ukoll kamp li kien qed iservi bħala bażi għal numru ta’ ġurnalisti.

Filmati juru ġurnalist maħkum minn nirien kaġun tal-attakk iżda skont l-uffiċċjali tas-saħħa f’Gaza huwa jinsab f’kundizzjoni kritika.

L-attakki fil-Medda ta’ Gaza komplew wara li x-xahar li għadda Iżrael temmet il-ftehim għal waqfien mill-ġlied. L-Iżrael qed tkompli bl-attakki u tavvanza fit-territorji f’attentat biex ikomplu joħolqu l-pressjoni fuq il-Grupp Hamas bil-għan li jaċċettaw ftehim ġdid u jilliberaw il-kumplament tal-ostaġġi.

Apparti minn hekk, il-qawwiet Iżraeljani mblukkaw ir-rotot tal-importazzjoni tal-ikel u l-għajnuna umanitarja fost l-appelli lin-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni llum qabel għada għaliex is-sitwazzjoni hija waħda ddisprata.