Raġel ta’ 47 sena ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li hedded żewġ uffċjali tal-Pulizia u li qaleb mutur tal-Pulizija fl-Imqabba waqt kommossjoni li qamet ma’ diversi persuni li kienu qegħdin jiċċelebraw ir-rebħ tal-promozzjoni għat-tim tal-Imqabba, li mill-kampjonat Amateur League Two telgħu għal Amateur League One.
Jerry Ghigo mill-Imqabba wieġeb mhux ħati li huwa uża kliem ta’ theddid u qaleb il-mutur tal-Pulizija fl-inħawi ta’ fejn ta’ Kandja. L-Ispettur Andrew Agius Bonello qal lill-Qorti li kien hemm żewġ persuni li kienu aggressivi mal-Pulizija u li dawn flimkien ma’ oħrajn kienu fuq trakk.
Huwa ġie akkużat li nhar is-Sibt li għadda għall-ħabta tal-5.30pm, fi Triq l-Imqabba, Mqabba, għamel reżistenza jew ħebb għas-Surġent Luke Grima u l-Kuntistabbli Tonio Sultana. L-akkużat li qal li xogħlu hu li jsewwi s-‘silencers’ ġi,e arrestat u ddaħħal ta’ Kandja flimkien ma’ persuna oħra u r-raġuni li ddaħħal hemm kienet minħabba l-kommossjoni li nqalgħet.
L-Ispettur qal li s-Surġent Luke Grima kien dieħel ta’ Kandja u hemm ra trakk li kien sejjer fid-direzzjoni tal-club tal-football. Tenna li kien hemm argument fuq il-post ma’ diversi nies u li l-akkużat ma kienx qed isuq, kien wieħed min-nies fit-trakk,
Wara li l-affarijiet dehru li kienu kkalmaw għal xi raġuni reġa’ qam l-argument, bis-Surġent jara lill-imputat jaqleb mutur tal-Pulizija. Il-kuntistabbli Sultana kien mar fuq il-post ftit wara biex jassisti lis-Suġent, bix-xhud jgħid li l-imputat irreżista l-arrest.
Mistoqsi mill-Avukat Franco Debono jekk inqabadx fuq il-body cam jaqleb il-mutur, l-Ispettur wieġeb fin-negattiv. Tenna li l-body cam ta’ Sultana taret minn fuqu u li din kienet qed turi d-direzzjoni l-oħra. Il-Pulizija l-ieħor ma kellux body cam fuqu. “Jekk ngħidlek li mhux hu qalbu l-mutur, u li fuq body cam ma kien deher xejn,” staqsa l-Avukat Debono.
Hawn l-Ispettur qal li huwa minnu li ma nqabad xejn u li hu qed joqgħod fuq dak li qalulu l-Pulizija li kienu preżenti. L-Avukat Debono qal li huwa mil-lewn id-dinja li wieħed jipprotesta meta ma jkunx hu li wettaq ir-reat u qal ukoll li Pulizija minnhom li kien liebes l-elmu waqqa’ lill-akkużat mal-art u fortunatament il-klijent tiegħu ma ġralu xejn wara li l-uffiċjal ġibdu u waddbu mal-art.
Id-difiża għamlet ukoll talba għall-pleġġ li kienet opponuta bil-qawwa kollha mill-prosekuzzjoni minħabba n-natura tal-każ u li l-investigazzjonijiet għadhom għadejjin. L-Avukat Debono qal li mhux biss fl-ebda mument l-akkużat ma jidher li qed jaqleb il-mutur tal-Pulizija, iżda li l-klijent tiegħu għandu kondotta nadifa u li għandu impieg għal rasu.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ fuq depożitu ta’ €5,000, garanzija personali ta’ €10,000 li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa bejn it-8am u t-8pm u li ma jersaqx lejn attivitajiet sportivi sakemm jinqata’ l-każ.
Għal Ghigo dehru l-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Andrew Agius Bonello.
//= $special ?>