minn Dione Borg
Ġurnalist u kandidat tal-PN
Bħalissa l-Parlament Malti jinsab għaddej minn mument diffiċli ħafna; mument li fih id-demokrazija parlamentari tinsab attakkata, tinsab mhedda. Anzi l-kelma mhedda tista’ ma tkunx b’saħħitha biżżejjed għaliex fil-verità, id-demokrazija fil-Parlament Malti qed titnaqqar.
Responsabbli għal dan hu l-Gvern Laburista li bl-atteġġjament politiku tiegħu qed ixekkel id-dibattitu, l-iskrutinju, l-awtonomija u l-effettivita politika tal-istess istituzzjoni. Dik l-istituzzjoni li hi l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż u li tirrappreżenta lill-poplu.
Il-PL dejjem kisser id-demokrazija parlamentari
Ir-rekord tal-Gvernijiet Laburista fil-kuntest tar-rispett u l-ħarsien tad-demokrazija parlamentari hu wieħed negattiv. L-istorja turi u tikkonferma li Gvernijiet Laburisti kienu responsabbli għal inċidenti gravi fil-Parlament li mhux biss kienu parti minn strateġija politika kontra l-Oppożizzjoni iżda rriduċew lill-Parlament Malti f’arena ta’ vjolenza.
Hemm diversi ċirkostanzi li juru dan, iżda waħda mill-ikbar hi dik tal-Elezzjoni Ġenerali tal-1981 meta l-Partit Laburista żamm il-poter f’idejh minkejja li kiseb minoranza ta’ voti fl-Elezzjoni Ġenerali. Kien Parlament li fih tiggverna l-minoranza fuq il-maġġoranza.
Dan kien il-bidu ta’ leġiżlatura li fiha l-Gvern Laburista ta’ minoranza kasbar mhux biss id-demokrazija parlamentari iżda l-prinċipju bażiku tal-Parlament; dik li tkun riflessa r-rieda tal-maġġoranza.
Mhux biss kienet leġiżlatura mill-iktar diffiċli għall-Partit Nazzjonalista fl-Oppożizzjoni minkejja li kellu l-appoġġ tal-maġġoranza iżda kienet diffiċli għad-demokrazija.
Iżda s-sitwazzjoni parlamentari tal-1981 ma kenitx waħda iżolata. Il-problema tat-tkasbir sistematiku tad-demokrazija parlamentari kienet ilha li bdiet sa minn wara l-Elezzjoni Ġenerali tal-1971 meta kien elett il-Partit Laburista wara żewġ leġiżlaturi ta’ Gvern Nazzjonalista.
Dak li kien iseħħ fil-Parlament f’dak il-perjodu kien xokkanti. Bi strateġija, qabel seduti parlamentari importanti, il-Partit Laburista kien jorganizza dimostrazzjonijiet ‘spontanji’ b’appoġġ għad-Deputati Laburisti fil-Belt.
Dimostrazzjonijiet li kienu jintemmu quddiem il-Parlament u li fihom kienu jiġu attakki d-Deputati Nazzjonalisti waqt li huma jkunu dieħla għas-seduti parlamentari. Strateġija ppjanata biex tbeżża’.
F’diversi okkażjonijiet, partitarji Laburisti kienu jkissru anki l-karozzi tad-Deputati Nazzjonalisti pparkjati quddiem il-Parlament. Dan kien wassal biex id-Deputati Nazzjonalisti kienu jidħlu mill-bieb tal-Palazz Presdienzjali ta’ Triq il-Merkanti biex jevitaw lid-dimostranti Laburisti u biex jaqdu dmirhom ta’ Deputati.
Hekk kien ġara proprju fil-15 ta’ Ottubru 1979 meta tkissret it-Times, tliet każini Nazzjonalisti u d-dar ta’ Eddie Fenech Adami.

Attakki fis-sala tal-Parlament
Apparti vjolenza fuq barra, id-Deputati Nazzjonalisti kienu jisfgħu vittmi ta’ vjolenza fil-Parlament fejn Deputati Laburisti kienu jaqsmu l-Kamra u jaggreduhom.
Każ uniku jibqa’ dak ta’ Diċembru 1986 meta numru ta’ Deputati Laburisti qasmu l-Kamra u attakkaw lill-Kap tal-Oppożizzjoni Eddie Fenech Adami u qattgħulu n-notamenti tad-diskors li kien qed jagħmel.
Disprezz kbir lejn il-Parlament seħħ ukoll proprju f’dik is-seduta meta fis-sala tal-Parlament daħal il-Bridagier Spiteri u beda jgħajjat u jindirizza lil Eddie Fenech Adami.
Kienet sitwazzjoni gravi li kienet isseħħ regolarment u li magħha kienet tiżdied il-vjolenza minn partitarji Laburisti fl-istrangers gallery li kienu jinsulentaw lid-Deputati Nazzjonalisti, jidħlu fis-sala tal-Parlament u jaggreddixxu ġurnalisti li jkunu qed jirraportaw is-seduti.
Gvernijiet Nazzjonalisti saħħew id-demokrazija parlamentari
Mhux biss mill-Gvern, il-Partit Laburista kasbar lill-Parlament iżda anki mill-Oppożizzjoni fejn f’seduta storbjuża, Deputati Laburisti kienu anki kissru numru ta’ bankijiet tal-Oppożizzjoni.
Il-Partit Nazzjonalista dejjem għamel kull tentattiv possibbli biex isaħħaħ il-mod kif jaħdem il-Parlament. Mhus biss, mill-Oppożizzjoni, ma kienx jirreaġixxi għal dawn l-attakki vjolenti fl-ogħla istituzzjoni iżda mill-Gvern ħadem biex irriforma l-Parlament lejn iktar demokrazija u rappreżentazzjoni.
Waħda mill-ikbar riformi li wettaq Gvern Nazzjonalista kienet dik tat-twaqqif tal-Kumitati Parlamentari li permezz tagħhom, issaħħet id-demokrazija fil-Parlament u magħha ssaħħaħ l-iskrutinju.
Il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) jibqa’ wieħed mill-iktar kumitat importanti u li jwettaq skrutinju fuq l-operat finanzjarju tal-Gvern. Kumitat presedut mill-Oppożizzjoni. Miegħu hemm kumitati oħra li anki jkunu miftuħin biex fihom jipparteċipa l-pubbliku.
Minkejja dan, bħalissa l-Gvern Laburista qed iwettaq attakk fuq id-demokrazija parlamentari b’mod differenti minn dak tal-passat. Illum il-Gvern qed ikisser id-demokrazija parlamentari b’diversi modi fosthom billi l-Gvern jimblokka l-aċċess għall-informazzjoni li hu obbligat jagħti.
Mhux biss ma jippreżentawx fil-Parlament il-kuntratti tal-ikbar proġetti għax ma jkunx iridu jinqabdu dwar x’ikun hemm moħbi bejn il-linji, iżda issa lanqas irid jippubblika d-dettalji dwar min huma l-konsulenti tiegħu u kemm qed jitħallsu; minn flus il-poplu.
Dan isir mhux biss fis-sessjoni plenarja iżda wkoll fil-PAC fejn il-gvern jonqos milli jwieġeb u jaħrab mill-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.
Il-fatt li l-Ministri qed jitħallew jibqgħu għaddejjin ma jweġbux lill-Oppożizzjoni qed tkisser ir-ruħ demokratika tal-Parlament; anki jekk ikun hemm rulings f’dan is-sens.
Il-Gvern jaf li se jirnexxielu jibqa’ jgħatti xturu u ma jagħtix l-informazzjoni u għalhekk jibqa’ għaddej. Din fiha nnfisha hi arroganza ta’ gvern imbeżża’ li jinqabad darba wara l-oħra; kif qed jiġrilu.
Hu surreali u ma jsir fl-ebda Parlament ta’ pajjiż demokratiku li Prim Ministru jinsisti u jibqa’ stinat li ma jridx jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dikjarazzjonijiet tal-assi tiegħu u tal-Ministri.
Anki jekk il-Kummissarju għall-Istandards esprima opinjoni favur li dan isir, il-Prim Ministru jibqa’ jinjora l-obbligu parlamentari u jirrifjuta li jpoġġihom fil-Parlament. Il-problema hi li l-Parlament fih innifsu m’għandux l-istrutturi neċessarji biex il-Prim Ministru jonroa dan l-obbligu ta’ trasparenza.
X’inhu jżommu milli jagħmel dan jafu hu u l-Ministri tiegħu. L-istess isir meta l-Gvern jibqa’ jirrifjuta li jwieġeb ċertu Mistoqsijiet Parlamentari.
Fil-Parlament, il-Gvern għandu strateġija ċara li kemm jista’ jkun jevita d-dibattitu. Meta fil-pajjiż ikun hawn issue kontroversjali, għall-Gvern ma jkun ġara qisu xejn. Jevita d-dibattitu għaliex jaf li r-rulings tal-Ispeaker se jkunu orjentati lejn deċiżjoni li ma tirrikonoxxix l-urġenza immedjata għal dibattitu. Dan meta l-Gvern jista’ ma jmurx għal ruling iżda jaċċetta dibattitu.
Meta mbagħad il-pressjoni tikber, il-Gvern imur il-Parlament u l-Prim Ministru jagħmel biss stqarrija ministerjali biex ma jkunx hemm lok li l-Oppożizzjoni titkellem fit-tul.
Il-PN bi proposti dwar il-Parlament
Fl-aħħar ġimgħat, intlaħqu livelli ġodda meta persuna kienet approvata f’kariga ma’ awtorità tal-Gvern qabel din in-nomina kienet approvata mill-kumitat parlamentari li jiskrutinja dawn il-karigi.
Il-Partit Nazzjonalista hu preokkupat b’din is-sitwazzjoni u diġà ppreżenta diversi proposti dwar kif il-Parlament jista’ jkun iktar effettiv.
Fost dawn hemm il-Prime Ministers’ Question time fejn il-Prim Ministru jkollu ħin li jwieġeb il-Mistoqsijiet Parlamentari diretti lilu mill-Oppożizzjoni. Dan flimkien ma’ proposti oħra effettivi li jsaħħu t-trasparenza u l-kontabbiltà.
Quddiem is-sitwazzjoni preżenti tat-tkasbir tad-demokrazija parlamentari, l-Oppożizzjoni qed tgħajjat għall-ġustizzija, trasparenza u kontabbiltà parlamentari.
Il-Gvern irid biss id-demokrazija taċ-ċimiterju fejn ma jitħarrek xejn u fejn il-gvern ma jkunx skrutinizzat. Irid Parlament rubber stamp li fih il-Gvern iħossu komdu jibqa’ għaddej romblu minn fuq l-Oppożizzjoni.
Din hi s-sitwazzjoni tal-Parlament Malti bħalissa bi Gvern li għax għandu maġġoranza, qed iwarrab id-demokrazija parlamentari u jaġixxi b’arroganza.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 6 ta’ April, 2025.
//= $special ?>