Opinjoni

OPINJONI: Naħdmu u nirsistu għall-bidla

minn Charles Bonello
Segretarju Ġenerali Partit Nazzjonalista

Gvern Laburista li f’Malta jgħid mod imma barra minn pajjiżna jaġixxi mod ieħor. Gvern Laburista fqir mhux biss għaliex għabba lill-pajjiż b’dejn enormi, iżda fqir ukoll għaliex tilef kull kontroll.
Ikollna nammettu li qegħdin ngħixu f’pajjiż fejn il-familji tagħna żgur li mhumiex ħielsa li jgħixu ħajja diċenti għaliex it-toqol u l-piż tal-għoli tal-ħajja fnihom.
Żgur li m’aħniex ħielsa għaliex biex tivvjaġġa minn post għall-ieħor trid tqatta’ ħinek fit-traffiku!
Il-poplu żgur ma jħossux ħieles għaliex is-sigurtà f’pajjiżna marret il-baħar għaliex illum li tgħix f’pajjiżek bla biża’ hija xi ħaġa tal-passat.
Żgur mhux ħieles għaliex jekk tiftaħ l-istazzjonijiet nazzjonali, tara li l-espressjoni ħielsa spiċċat; Anke minn festival tal-kanzunetta Maltija ma jridukx tħossok ħieles u jkollok tisma’ propaganda partiġjana Laburista.
Jekk tħares lejn il-Qrati tagħna tara li l-ħelsien tagħhom ukoll huwa mhedded għaliex dan il-Gvern ta’ Robert Abela, biex jipproteġi lill-ħbieb tal-ħbieb, qed jorbot idejn il-Maġistratura milli jeżerċitaw il-libertà u jinvestigaw dak kollu li jkun meħtieġ.
Il-Parlament ukoll għandu l-ħelsien tiegħu mhedded għaliex illum il-maġġoranza tal-Gvern fil-Parlament qed tipprova toħnoq il-libertà tal-Oppożizzjoni u timponi mozzjonijiet f’din l-ogħla istituzzjoni demokratika ta’ pajjiżna u tipprova tagħmel oppressjoni fuq l-Oppożizzjoni.
U allura xi jfisser dan u ħafna iktar miegħu? Ifisser l-ironija li dan il-poplu qiegħed ta’ kuljum iħossu iktar oppressat, bil-ħelsien tiegħu mhedded u bil-libertà tiegħu għal darb’ohra fil-periklu.
Daqshekk ifisser il-ħelsien għal dan il-Gvern ta’ Robert Abela; ħelsien kif jaqbel lill-Gvern. X’falzita! X’ironija! Għaliex il-Labour jemmen li l-politika mhix servizz lejn il-poplu iżda li l-poplu tagħna jkun ta’ servizz lejn il-politiku u l-politika tal-ġurnata.
Quddiem dan kollu l-poplu x’jifdallu quddiemu? Jifdallu għażla waħda li hi l-Partit Nazzjonalista li hu Partit magħqud u Partit li tul is-snin li ilu fl-Oppożizzoni mexa mixja ta’ tiġdid; mixja biex jerġa’ jkun gvern alternattiv bi Grupp Parlamentari lest biex jiggverna taħt it-tmexxija tal-Kap tal-Partit Bernard Grech.

Impenn sħiħn għat-tisħiħ tal-Partit lejn rebħa elettorali
Anke jien bħala Segretarju Ġenerali ta’ dan il-Partit, flimkien mal-Amministrazzjoni u l-istrutturi kollha tal-Partit, mal-Grupp Parlamentari, mal-kandidati, mal-fergħat, mal-kumitati, mal-kunsillieri u magħkom ilkoll, l-attivisti tagħna, irrid nara li l-Partit ikompli jinbena u jissaħħaħ biex inkomplu nkunu ppreparati għall-elezzjoni li ġejja.
Biex nassiguraw li jkollna dejjem iktar Partit ippreparat u b’saħħtu, proprju fil-ġranet li għaddew ħabbarna eżerċizzju ta’ tiġdid fid-diversi strutturi li ser jibda mill-Kumitati Sezzjonali f’kull lokalità u jibqa’ sejjer sakemm inġeddu l-istrutturi kollha.
Sadattant, ħabbarna wkoll it-twaqqif ta’ Kummissjoni għar-Reviżjoni tal-Istatut biex insaħħu dejjem iktar l-organizzazzjoni tal-Partit biex tkun iktar effettiva.
Barra minn hekk qed inkomplu wkoll bl-eżerċizzju ta’ approvazzjoni ta’ iktar kandidati u fil-jiem li għaddew tħabbru żewġ kandidati oħra żgħażagħ. Irridu grupp ta’ kandidati li lesti li jkunu ta’ servizz għalikom u għal pajjiżna.
Ma’ dan qed naħdmu wkoll biex insaħħu r-riżorsi fil-Partit b’mod partikolari permezz ta’ iktar voluntieri u għalhekk l-appell tiegħi hu biex aktar u aktar jersqu lejn il-Partit Nazzjonalista biex anke huma wkoll ikunu parti mill-ħidma b’riżq pajjiżna.
Għaddejjin ukoll b’eżerċizzju biex nisimgħu ħalli nħejju proposti tajbin għall-Programm Elettorali; proposti li jistgħu jbiddlu għall-aħjar il-kwalità tal-ħajja.
Minkejja li bħala Partit diġà bdejna noħorġu numru ta’ proposti, għad fadal ħafna iktar proposti għal kull settur għall-ħaddiema, għan-negozjanti, għall-anzjani, għall-ekomonija tagħna, għaż-żgħażagħ, għan-nisa, għall-familja…
Dawn huma proposti biex int ikollok serħan il-moħħ li bi Gvern Nazzjonalista ġdid, int tkun ahjar; il-familja tiegħek tkun aħjar.
Jekk int investitur jew negozjant, in-negozju tiegħek ikun aħjar u l-investiment tiegħek ikun fis-sod, f’pajjiż nadif, ’il bogħod mill-korruzzjoni imma li fl-istess ħin, f’ekonomija iktar b’saħħitha u sostenibbli għal kulħadd.
Dan kollu jrid jimlina b’kuraġġ; b’kuraġġ li flimkien nistgħu naslu. Flimkien nistgħu nbiddlu d-destin ta’ pajjiżna u nagħtu lill-poplu tagħna tmexxija denja li tixraq lil dan il-pajjiż sabiħ tagħna.
Irridu nkomplu naħdmu biex dan il-pajjiż għal darb’oħra jkollu gvern tal-poplu u għall-poplu kollu, u jkollu gvern li jkun hemm biex iservi lill-poplu kollu taħt id-direzzjoni ta’ Bernard Grech.
Għalhekk nagħmlu kuraġġ u ma naqtgħux qalba u jekk naħdmu flimkien m’għandix dubju li naslu biex nagħtu gvern li jixraq lil pajjizna.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 6 ta’ April, 2025.