Tal-anqas 19-il persuna tilfu ħajjithom wara li maltemp li qed jolqot diversi stati fl-Amerika – maltemp li jinkludi għargħar, xita bla waqfien u urugan.
Rapporti internazzjonali qalu li x-xmara f’Kentucky kapaċi tilħaq livell inkontrollabbli fis-sigħat li ġejjin hekk kif tinsab ftit metri ‘l bogħod mil-livell massimu.
Uħud mill-ibliet ordnaw lir-residenti sabiex jevakwaw filwaqt li l-gruppi ta’ salvataġġ konplew jiċċekjaw fuq ir-residenti f’Kentucky u Tennessee. Dan filwaqt li eluf ta’ djar bejn Texas u Ohio jinsabu mingħajr il-provvista tal-gass u l-elettriku.
Intqal li matul il-jum tas-Sibt niżlet madwar 13-il ċentimetru tax-xita f’Arkansas li huwa rekord għal dan l-istat, dan apparti li sal-jum tal-Ħadd ġew rappurtati ‘l fuq minn 90 urugan f’għaxar stati bejn Kansas u Ohio.
Jirriżulta li dan il-maltemp estrem ġie kkawżat minn temperaturi għoljin, nuqqas ta’ stabbiltà fl-atmosfera u riħ qawwi.
//= $special ?>