Raġel ta’ 37 sena mis-Sudan, li huwa ‘homeless’ inżamm arrestat wara li ġie mixli quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea li bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda hedded lill-Pulizija meta dawn sabuh b’ħadida f’idu fit-triq wara rapport li sar minn persuna.
Tekit Welday ġie mixli li uża kliem ta’ theddid fil-konfront tal-Pulizija u li meta mitlub, irrifjuta li jagħti tagħrif personali tiegħu u meta deherlu li għandu jagħtih, it-tagħrif kien wieħed falz. Huwa ġie mixli li wettaq ir-reat fi Triq il-Kbira fil-Ħamrun u li naqas li jobdi l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija u li ma ħallihomx jaqdu dmirijiethom.
Ġie mixli wkoll li kiser l-ordni pubblika, li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni u li għex ħajja ta’ għażż u vagabundaġġ. Il-prosekuzzjoni qalet li l-Pulizija mill-Għassa tal-Ħamrun permezz ta’ telefonati kellha informazzjoni li kien hemm persuna fit-triq ixxejjer ħadida, bdiet tiffastidja lin-nies u tagħmel xi ħsara.
Il-Pulizija waqt it-tfittxijha sabet lill-akkużat ixejjer il-ħadida. Huwa ttieħed l-għassa tal-Ħamrun fejn beda jħawwad fuq il-pajjiż minn fejn kien ġej. Wara ħaduh l-isptar għax deher li ma kienx f’sensih u baqa’ jinsulenta lill-Pulizija u qalilhom. ” Meta narakhom fit-triq nagħmlilkom, intom imġienen u neħħu l-uniformi minn fuqkom”. Qalilhom ukoll li ried imur lura pajjiżu.
Fil-bidu l-imputat beda jtella’ u jniżżel jekk jammettix, bil-Qorti tinfurmah li jista’ jeħel bejn €1,200 sa €7,500 u sa tliet xhur ħabs. Hawn huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Id-difiża qalet li hija infurmata li l-akkużat huwa refuġjat u li għandu proprjetà f’San Ġiljan.
Għalhekk l-Avukat tal-Għajununa Legali tiegħu Martin Farrugia qal li għandu jingħata l-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa oġġezzjonat mill-qawwa kollha minħabba li m’għandux indirizz fiss u li lill-Pulizija qalilha li għandu ħafna djar, fosthom ġewwa Tas-Sliema, u kollox jindika li dan mhuwa minnu xejn.
Hija qalet li m’għadhiex serħan il-moħħ li l-indirizz li huwa ta lill-Qorti huwa minnu. It-talba għall-ħelsien mill-arrest ma ntlaqatx mill-Qorti.
//= $special ?>