Raġel ta’ 35 sena mill-Kenja u li f’Malta joqgħod Birkirkara ,ingħata probation ta’ tliet snin wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Charmaine Galea akkużi ta’ vjolenza domestika fuq martu u fuq il-proprjetà tagħha. Isem ir-raġel li għandu il-vizzju tax-xorb ma jistax jissemma’ fuq ordni tal-Qorti.
Il-Qorti imponiet ukoll ordni ta’ trattament fil-konfront tar-raġel fejn irid jagħmel skont dak li jgħidlu l-uffiċjal tal-probation biex joħroġ mill-problema tal-alkoħol. Huwa jista’ jkellem lil martu u lill-uliedu b’mod ċivili.
Fil-Qorti ħareġ ukoll li għandu livell għoli ta’ edukazzjoni fejn għandu żewġ ‘master degrees’ qabad il-vizzju wara li tilef l-impieg tiegħu. L-Ispettur Colin Sheldon li ressaq lill-akużat, qal li l-mara tiegħu għamlet rapport li jgħid li nhar is-Sibt, żewġha kien qed jixrob u li wettaq attentat ta’ forza fil-konfront tagħha u li heddidha. Dan seħħ għall-ħabta tal-10.40pm.
Dan kollu seħħ waqt li martu kienet għand il-ġenituri tagħha bit-tfal, b’waħda minnhom kienet qed tiċċelebra għeluq sninha. Hu ried jieħu t-tfal tiegħu u l-mara qalet li meta jixrob ma jibqax l-istess. Qalet ukoll li darba wara li xorob kien ta daqqa fuq wara lil bintu ż-żgħira u li qed tibża’ li jista’ jiġri xi ħaġa lilha jew lit-tfal.
L-Ispettur qal li dan kollu seħħ minn meta l-akkużat tilef l-impieg tiegħu f’Dicembru 2023 u baqa’ ma sabx impieg. Il-Qorti infurmat lill-imputat li f’każ ta’ ammissjoni għal dawn l-l-akkużi jista’ jiġi kundannat bejn sentejn u erba’ snin ħabs u multa bejn €6,500 u €15,000.
Id-difiża għamlet talba biex ismu ma jissemmiex minħabba li għadu għaddej bit-tfittxija biex isib impjieg. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonax u l-Qorti laqgħet it-talba, anke biex jiġu protetti ż-żewġ uliedu. Id-difiża mmexxija mill-Avukat Yanika Bugeja qalet li fiċ-ċirkostanzi l-akkużat għandu jingħata probation u ordni ta’ trattament.
Il-prosekuzzjoni qablet mas-suġġeriment tad-difiża. Dwar fejn se jkun qed jgħix, id-difiża qalet li se jmur jgħix ma’ oħtu li kienet preżenti fl-awla. L-Ispettur Sheldon qal ukoll li huwa tkellem mal-imputat il-Ħadd li għadda u dan iddispjaċih għal dak li għamel.
//= $special ?>