Lokali Qorti

Aktar minn miljun ewro f’danni mnaqqsa għal €10,000

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li €10,000 f’danni morali kienu biżżejjed biex tikkumpensa lil mara għal ksur tad-dritt tagħha għall-proprjetà tagħha fil-Marsa, u rrevokat ordni biex tħallasha €1,059,948.13 f’danni materjali.

Gabriella Fusco kienet ressqet proċeduri kostituzzjonali quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, fejn sostniet li d-dritt tagħha għall-proprjetà privata kien miksur. Il-proċeduri ġew ippreżentati kontra l-Avukat tal-Istat u Briar Pipeworks Limited.

Il-proprjetà fil-Marsa kienet tal-familja ta’ Fusco u kienet mikrija lil Briar Pipeworks Limited għal madwar 60 sena taħt il-liġi antika tal-kera. Inizjalment il-proprjetà kienet mikrija b’somma fis-sena ta’ €496.93 (Lm213.33).

Sussegwentement żdiedet għal €1,397.68 wara li ġiet emendata l-liġi. Il-mara, li wirtet il-proprjetà, ilmentat li l-kirja kienet baxxa wisq meta mqabbla mal-valur tas-suq tal-proprjetà. Hija osservat ukoll li l-kumpanija tista’ tkompli ġġedded il-ftehim ta’ kiri tagħha sal-1 ta’ Ġunju 2028.

L-ewwel qorti tat lill-mara €1,069,948.13 f’danni pekunjarji wara li kkalkulat il-kumpens dovut. Ordnat ukoll lill-Avukat tal-Istat iħallas lill-mara €10,000 f’danni morali, f’deċiżjoni mogħtija f’Ġunju tal-2023. Sussegwentement l-Avukat tal-Istat appella, billi argumenta li d-danni materjali kienu eċċessivi.

Fl-appell tiegħu, l-Avukat tal-Istat argumenta li Fusco probabbilment ma rnexxiliex tikriha minħabba l-“istat ħażin” li kien fih il-bini. Irreferiet għar-rapport tal-espert tal-qorti li fih il-perit kien ikkonkluda li s-sit kellu ħsarat strutturali serji, minħabba nuqqas ta’ manutenzjoni u infiltrazzjoni tal-ilma.

Il-perit maħtur mill-Qorti kien xehed li kull inkwilin potenzjali jkollu jinvesti madwar €650,000 fil-proprjetà biex ikun jista’ jassiguraha u jagħmel użu mill-fond kummerċjali. Din is-somma tkun minbarra l-kera annwali ta’ €128,000.

Fusco irribattiet l-appell tal-Avukat tal-Istat, u qalet li l-qorti tal-ewwel istanza kienet diġà ħadet kont ta’ dawn il-fatturi meta kkalkolat il-kumpens. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li l-Qorti mhix marbuta bir-rapport tal-espert, u f’dan il-każ qablet mat-talba tal-Avukat tal-Istat li l-istima ma kinitx realistika.

“Fil-fatt, l-istat tal-proprjetà juri li l-kerrej ma kienx qed jagħmel użu mill-fond kollu jew il-biċċa l-kbira tiegħu u tħalla f’rovina,” osservat il-Qorti Kostituzzjonali. Hija ddeċidiet li t-telf li sofriet il-mara ma kienx minħabba l-liġijiet restrittivi tal-kera iżda minħabba l-istat tal-proprjetà nnifisha, peress li l-mara lanqas biss tista’ tikriha.

Il-Qorti għamlet referenza wkoll għax-xhieda tal-mara, li fiha rrikonoxxiet li ma kellhiex flus biex tirranġa l-post. Barra minn hekk, il-mara setgħet tagħmel użu mir-rimedji legali biex tkeċċi lill-inkwilini talli ħalliet il-fond f’dak l-istat.

Il-Qorti Kostituzzjonali sostniet li d-drittijiet tal-mara kienu nkisru, u ħadd ma kien qed jikkontesta dan il-fatt, iżda, it-telf li ġarrbet kien minħabba li ma użatx ir-rimedji tagħha fil-liġi, u anke għaliex il-fond ma jistax jinkera.

“F’dawn iċ-ċirkustanzi, kumpens li jaqbeż il-€1 miljun huwa assurd u mhux realistiku, u żgur li ma jagħmilx ġustizzja,” sostniet il-Qorti Kostituzzjonali, li qalet li l-mara ma sofriet l-ebda danni materjali minħabba l-liġijiet restrittivi tal-kera.

Il-Qorti rrevokat id-danni pekunjarji ta’ €1,059,948.13.

Il-Prim Imħallef Mark Chetcuti, flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul taw is-sentenza.