Sport Sport Ieħor

Christian Micallef u Josann Attard Pulis b’wirja b’saħħita fil-Maqluba 10k Race

Lorenzo Lepri u Charyl Fava jirbħu t-tellieqa tal-5k

Christian Micallef ta’ wirja b’saħħita fit-tellieqa tal-10km tal-Hudson Race Series – Maqluba Edition li saret il-Ħadd li għadda.

It-tellieqa tal-Maqluba, magħrufa għat-telgħa wieqfa ftit metri wara l-bidu, għal darb’oħra ġibdet folla numeruża, b’taħlita ta’ dawk b’esperjenza u oħrajn ġodda fil-qasam tat-tlielaq.

Kundizzjonijiet tat-temp ideali laqgħu madwar 300 atleta li ħadu sehem fit-tellieqa fuq distanza ta’ 10km (żewġ dawriet) jew dik ta’ 5km (dawra waħda).

Fit-tellieqa tal-10km, Micallef ħa postu fuq quddiem mill-bidu nett u temm l-ewwel, quddiem Mark Herrera u Jeremy Curmi li spiċċaw fit-tieni u fit-tielet post rispettivament.

Fit-tellieqa tan-nisa tal-10km, il-favorita Josann Attard Pulis ħadet ir-rebħa, quddiem Josianne Cilia Mumford u Bernice Zammit. Cilia Mumford kellha żżomm ritmu b’saħħtu biex iżżomm distakk minn Zammit, u spiċċat it-tieni bi tmien sekondi vantaġġ.

Fit-tellieqa tal-irġiel tal-5km dehru xi wċuħ ġodda u l-finish bejn l-ewwel tlieta kien eqreb minn dak tal-10km. Lorenzo Lepri spiċċa l-ewwel, sitt sekondi quddiem Luke Vella, bi Brandon Saliba jispiċċa fit-tielet post.

Fit-tellieqa tan-nisa tal-5km, Charyl Fava kompliet il-prestazzjoni konsistenti tagħha fis-Serje b’rebħa oħra. Sascha Genovese kisbet l-ewwel post tagħha fuq il-podju f’dawn l-avvenimenti, meta spiċċat it-tieni – seba’ sekondi quddiem Nadia Mifsud, parteċipanta regolari f’din is-Serje.

Il-premjijiet u t-trofej għar-rebbieħa ġenerali u għal dawk fil-kategoriji skont l-età ġew ippreżentati mid-Direttur tat-Tellieqa Charlie Demanuele, li rringrazzja l-isponsors ewlenin, il-Hudson Group, għall-appoġġ kontinwu tagħhom. Huwa rringrazzja wkoll lil ProHealth Ltd, aġenti għal La Roche Posay, lil Transport Malta, lill-Kunsilli Lokali tal-Qrendi u Żurrieq kif ukoll lill-uffiċjali u marshalls tat-tellieqa.

It-tellieqa li jmiss tal-Hudson Race Series, powered by Nike, se ssir nhar il-Ħadd 11 ta’ Mejju f’Ħad-Dingli.