Il-grupp Events & Activities ta’ BirdLife Malta riċentement organizza ħarġa mill-isbaħ f’Valle del Anapo, waħda mill-akbar riservi naturali fi Sqallija. Din tinsab fil-provinċja ta’ Sirakuża, hija mdawra mill-muntanji Iblei u hija magħrufa għall-ġmiel naturali tagħha.
Il-parteċipanti mxew mixja ta’ 12-il kilometru ta’ livell medju għal diffiċli, qalb is-siġar u x-xenarji spettakolari tul ix-xmara Anapo, li l-ilma li jgħaddi minnha jkompli jżewwaq is-sbuħija tal-post. Il-mixja damet madwar ħames sigħat u kienet opportunità mill-aqwa biex wieħed iqatta’ ħin fil-kwiet fin-natura.
Il-ġurnata ntemmet b’ikla tradizzjonali u abbundanti f’agrituriżmu tipiku Sqalli, f’Palazzolo Acreide (SR), fejn il-parteċipanti setgħu jistrieħu u jgawdu l-kumpanija ta’ xulxin.
Din l-attività kienet esklussiva għall-membri ta’ BirdLife Malta.
