Ekonomija Lokali

Il-Gvern iniedi l-Viżjoni 2050 ibbażata fuq il-pilastri ekonomiċi li ħoloq il-PN

Is-settur finanzjarju, is-settur marittimu, it-turiżmu, l-avjazzjoni, il-gaming u s-settur diġitali. Dawn huma uħud mill-pilastri li fuqhom se tkun mibnija l-Viżjoni 2050 li ġiet preżentata llum fiċ-Ċittadella – kollha setturi li issawru minn Gvern Nazzjonalista tul is-snin.

Sa issa, il-Viżjoni tal-Gvern għadha mingħajr miri speċifiċi. Iżda dawn se jkunu qed jitfasslu ladarba jintemm il-proċess ta’ konsultazzjoni li se jibda minn issa.

Il-Viżjoni 2050 ġie miġbura mill-konsulenti barranin Boston Consultancy Group.

Apparti s-setturi ekonomiċi, fil-Viżjoni li ġiet ippreżentata llum hemm numru ta’ temi oħrajn li żgur se jqajmu dibattitu: fosthom il-kwistjoni ta’ reklamazzjoni tal-art u l-proposta li l-Gvern jerġa’ jidħol fi ftehim mal-privat għas-servizzi tas-saħħa – xi ħaġa li diġà kienet kontroversjali immens fl-aħħar snin wara l-fjask tal-Vitals u Steward.

Fil-preżentazzjoni li saret lill-ġurnalisti, hemm ftit punti lejn l-aħħar li jirriferu speċifikament dwar Għawdex. Dan filwaqt li tissemma’ wkoll il-ħtieġa għal investiment u kollaborazzjoni fid-difiża reġjonali.

Dan il-pjan ma tantx daħal f’dettall fuq il-ħaddiema barranin u fuq il-bżonn ta’ sistema ta’ trasport tal-massa.

Terġa’ tissemma’ mill-ġdid il-blockchain, li hija xi ħaġa li żgur ma tantx tat riżultati ta’ suċċess jew progress tanġibbli fl-aħħar snin.

Fuq kollox, hija viżjoni li skont il-Gvern se ddur mal-filosofija ta’ “kwalità ta’ ħajja sana għal kulħadd”, li huwa kunċett li l-PN ilu snin sħaħ jisħaq fuqu u li l-Gvern baqa’ jinjora sena wara l-oħra.