Lokali

“Il-Gvern Laburista jaħli tliet snin biex jimpika” – PN

Processed with VSCO with g6 preset
Issa qed jikkunsidra l-istess proposta li ħareġ biha l-PN fl-2022

Tiftakru l-Labour kemm għadda biż-żmien il-proposta tal-Partit Nazzjonalista għal sistema moderna ta’ trackless tram qabel l-elezzjoni tal-2022? Kemm qalu li hi redikola u ma tagħmilx sens?

Wara li l-Gvern Laburista għamel numru ta’ konferenzi tal-aħbarijiet u ħela l-miljuni fi studji biex iħabbar sistema ta’ metrò – li issa jidher li qata’ qalbu minnha għax tiswa wisq – illum qed jiddiskuti biex jimplimenta l-istess proposta tat-trackless tram li kien għamel il-PN tliet snin ilu. Il-Gvern ħela tliet snin biex jimpika.

Dan ifisser, qal fi stqarrija Mark Anthony Sammut, ix-Shadow Minister għat-Trasport u l-Mobbiltà; pass ieħor lura mill-Gvern ta’ Robert Abela, u jikkonferma kemm il-Partit Laburista ilu żmien twil ma jafx fejn sejjer fil-qasam tat-trasport pubbliku. Il-Ministru Chris Bonnet issa qed jgħid li sistema ta’ trasport tal-massa trackless hija “soluzzjoni realistika”, eżattament dak li kien qal il-PN fl-2022 meta kien ippubblika pjan sħiħ ta’ kif din tista’ tiġi implimentata u finanzjata.

Ironikament, dan qed jgħidu biss ftit jiem wara li l-istess Ministru qal lil ġurnalist li “qed jibbanalizza” d-diskussjoni meta ġie mistoqsi dwar il-metrò. Illum qed jikkonferma li qed jikkunsidra dak li kien qed jipproponi l-PN, kif għamlu diversi drabi oħra. Pass li juri kemm dan il-Gvern qed imexxi bil-konvenjenza politika, mhux bil-viżjoni.

Il-Partit Nazzjonalista ilu jipproponi b’mod serju u realistiku sistema moderna tat-trasport tal-massa li verament tirrispetta ċ-ċokon ta’ Malta u l-ħtiġijiet tan-nies. Ladarba l-Gvern issa qiegħed jimxi f’din id-direzzjoni, in-nies għandhom jifhmu min verament għandu viżjoni u min il-ħin kollu jaghmel il-U-turns.