Il-Qorti tal-Appell laqgħet talba mressqa mill-kumpanija Agius Stone Works Limited (illum “ASWL”) kontra deċiżjoni finali mogħtija mill-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi fejn kienet ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni meħuda mill-Kunsill Lokali tal-Belt li qabad u ħassar is-sejħa għall-offerti dwar ir-restawr tal-faċċata u tal-kampnari tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu, fil-Belt Valletta.
Il-Qorti qalet li mhux biżżejjed f’dan ir-rigward li s-Sindku Olaf McKay kiteb dwar it-tħassir tas-sejħa fuq il-mezzi soċjali. Dak li s-Sindku kkummenta fuq il-profil personali tiegħu ma jirrappreżentax il-pożizzjoni tal-Kunsill iżda jekk xejn jirrappreżenta biss il-fehma personali tiegħu.
Fuq kollox, biex jiġi sodisfatt dak imsemmi fir-Regolament – id-deċiżjoni tal-kanċellament kellha mhux biss tinkiteb mill-Kunsill Lokali Valletta iżda din kellha wkoll tiġi notifikata lil ASWL. Il-Qorti tal-appell għaldaqstant ħassret is-sentenza tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi kif ukoll id-deċiżjoni tal-kanċellament tas-sejħa meħuda mill-Kunsill Lokali u b’hekk reġgħet qiegħdet kollox fis-sitwazzjoni li kienet qabel ma ngħatat id-deċiżjoni tal-kanċellament tas-sejħa.
Il-Qorti preseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Christian Falzon Scerri u Josette Demicoli, qalet li l-Kunsill Lokali tal-Belt naqas fl-10 ta’ Mejju, 2024, meta ħabbar li sejħa għall-offerti ngħalqet fit-3 ta’ Ġunju, 2024. Ingħad ukoll li ma eżista l-ebda kunflitt ta’ interess f’dan il-każ kien qal il-Kunsill Lokali tal-Belt, b’maġġoranza Laburista.
Minn dak li ħareġ fil-Qorti kien imħabbar li kien hemm disa’ offerenti li ħadu sehem fiha, bl-orħos offerta tkun dik ta’ ASWL fl-ammont ta’ €132,673.50. Madwar tliet xhur wara, jiġifieri fl-4 ta’ Settembru, 2024, ASWL irċeviet ittra elettronika ġenerata mill-e Tendering platform li kienet tgħid li din is-sejħa ġiet imħassra. ASWL ma qablitx ma’ din id-deċiżjoni li biha kienet tħassret is-sejħa.
Għalhekk fil-11 ta’ Settembru, 2024 hija ressqet ittra ta’ oġġezzjoni quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi. L-ilmenti tagħha kienu jgħidu li t-tħassir tas-sejħa ma saritx skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku peress li d-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tal-Belt mhux biss ma kienx fiha r-raġunijiet u
s-sejbiet li taw lok għat-tħassir tas-sejħa iżda lanqas ma ġiet notifikata lill-partijiet li ħadu sehem fis-sejħa.
Il-kumpanija qalet li t-tħassir tas-sejħa ma kinitx soluzzjoni ġusta, jekk kif ikkummenta s-Sindku fuq il-mezzi soċjali kien hemm tassew xi nuqqasijiet min-naħa ta’ xi membri mill-kumitat tal-għażla; u li f’kull każ it-tħassir tas-sejħa tmur kontra l-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex issa l-prezzijiet ta’ dawk li applikaw huma magħrufa.
Il-Kunsill Lokali kien wieġeb għal din l-ittra fl-20 ta’ Settembru, 2024 u qal li huwa kien innotifika lil ASWL bid-deċiżjoni tat-tħassir tas-sejħa fl-4 ta’ Settembru, 2024, li s-sejħa tħassret minħabba li kien hemm kunflitt ta’ interess bejn membru tal-kumitat tal-għażla u wieħed mill-offerenti skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku, li l-għoti tal-kuntratt kien għadu ma ġiex approvat meta tħassret is-sejħa.
Skont il-Kunsill Lokali xi ħaġa oħra kien li l-kunflitt ta’ interess ħareġ meta għal-laqgħa tal-Kunsill tas-6 ta’ Awwissu, 2024, biex jiġi approvat ir-rapport tal-kumitat tal-għażla, kien hemm preżenti membru tal-kumitat tal-għażla, rappreżentant ta’ ASWL u l-Arċipriet tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu li ppruvaw jintervjenu waqt id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill.
Il-Bord ta’ Reviżjoni Dwar Kuntratti Pubbliċi ddeċieda fit-3 ta’ Frar, 2025 li jiċħad l-ilmenti ta’ ASWL u kkonferma b’hekk id-deċiżjoni tal-Kunsill Lokali Valletta tat-tħassir tas-sejħa. Il-Qorti tal-Appell ma qablitx ma’ din id-deċiżjoni.
Fil-fatt il-Qorti jidhrilha li ma kien hemm xejn milli jżomm lill-Kunsill Lokali milli jibgħat deċiżjoni motivata b’mezz ieħor hekk kif jitlob ir-Regolament dwar Kuntratti Pubbliċi. Jibqa’ l-fatt, li deċiżjoni motivata min-naħa tal-Kunsill Lokali tal-Belt, bir-raġunijiet u bis-sejbiet għalfejn is-sejħa kienet qiegħda tiġi mħassra baqgħet ma saret qatt.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-ħtiġijiet ma ġewx sodisfatti bil-kummenti li s-Sindku McKay għamel fuq il-mezzi soċjal. II-Kunsill Lokali ma jistax isib wens lanqas fuq is-sentenza appellata mogħtija mill-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi għaliex il-Bord ma stħarriġx l-ilment ta’ ASWL dwar in-nullità tad-deċiżjoni tal-kanċellament minħabba nuqqas ta’ ħarsien tar-Regolament.
Il-Qorti kkritikat ukoll lill-Bord fejn sostniet li ma mexa xejn sew għaliex huwa marbut jiddeċiedi l-oġġezzjonijiet kollha li jitressqu quddiemu u mhux iħallihom barra. Imma anke jekk stess, il-Qorti tal-Appell kellha tagħlaq għajn waħda u tgħid li ASWL ma ġietx preġudikata minħabba n-nuqqas ta’ raġunijiet fid-deċiżjoni tal-kanċellament, xorta dan ma jreġiex.
Dan peress li tajjeb jew ħażin, ASWL saret taf għaliex tħassret is-sejħa mir-risposta bil-miktub li l-Kunsill Lokali Valletta ressaq quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi, xorta waħda però d-deċiżjoni tal-Kunsill ma tistax tiġi salvata għaliex din jidher li ma ġiet imsejsa fuq ebda sejbiet.
Biżżejjed jingħad li għalkemm il-Kunsill Lokali Valletta qed isostni li rriżulta li kien hemm kunflitt ta’ interess li fixkel il-kompetizzjoni fis-sejħa, meta għal-laqgħa pubblika tas-6 ta’ Awwissu, 2024 (fejn ġie diskuss ir-rapport tal-kumitat tal-għażla), kien hemm preżenti għaliha membru tal-kumitat tal-għażla, rappreżentant ta’ ASWL u l-Arċipriet tal-Knisja ta’ San Pawl Nawfragu.
Madankollu jidher li kien hemm saħansitra kunsillieri stess li ma kinux qegħdin jifhmu fhiex kien jikkonsisti dan il-kunflitt ta’ interess. Ma’ dan, il-Kunsill Lokali Valletta lanqas spjega għaliex huwa mar għas-soluzzjoni tat-tħassir tas-sejħa minflok warrab l-offerent li kien milqut mill-kunflitt ta’ interess jew għall-inqas talab li jsir rapport ġdid ta’ evalwazzjoni tal-offerti minn membri ġodda.
Ma ninsewx hawnhekk, li jekk minħabba kunflitt ta’ interess, applikant għandux jiġi skwalifikat jew jingħatax żmien biex ineħħi dak il-kunflitt jiddependi fuq jekk il-kunflitt ikunx ġa laħaq xi vantaġġ kompetittiv. Billi allura l-Kunsill Lokali jidher li ma għamel l-ebda stħarriġ biex jikkonferma jew jelimina s-suspetti ta’ kunflitt ta’ interess li jgħid kellu.
Il-Qorti qalet li m’għandhiex għażla oħra ħlief li tħassar id-deċiżjoni tat-tħassir tas-sejħa minħabba li din ma saritx kif irid ir-Regolament dwar l-Akkwist Pubbliku. Il-Qorti ordnat ukoll li d-depożitu mħallas minn Agius Stone Works Limited biex setgħet tressaq l-oġġezzjoni tagħha quddiem il-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi jintradd lura lilha.
//= $special ?>