Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, qal li pajjiżu, nhar is-Sibt, se jkollu ‘taħditiet diretti’ mal-Iran dwar il-potenzjal li jintlaħaq ftehim ġdid dwar l-issues nukleari….Dan fost it-tħassib li l-Iran jinsab qrib li jkollu l-bomba nukleari għall-ewwel darba fl-istorja.
Il-kelliema f’Washington sostnew li din hi ‘opportunità tajba għall-Iran biex jirtira mit-triq li qabad’…Dan waqt li l-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin sostna li t-taħditiet (li se jsiru fl-Oman) għandhom isiru b’mod ‘indirett’ minbarra li għandhom ukoll jitqiesu bħala ‘opportunità u forma ta’ eżami’.
Donald Trump, waqt l-ewwel mandat tal-Presidenza, kien ħareġ pajjiżu mill-ftehim nukleari tal-2015 li ntlaħaq bejn l-Iran u l-potenzi tad-dinja. Hu, issa, qed jgħid li d-diskussjonijiet li jmiss se jkunu tal-ogħla livell u li l-Iran ‘ikun qed jissogra bil-kbir jekk it-taħditiet ma jirnexxux’.
Trump, fi-fatt, żvela dwar it-taħditiet ‘ġodda’ mal-Iran wara laqgħa li kellu fil-White House mal-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu – li min-naħa tiegħu wkoll hedded dwar l-attakki potenzjali fuq is-siti nukleari tal-Iranjani.
L-Iran qed jinsisti li l-attivitajiet nukleari tiegħu huma paċifiċi iżda fl-aħħar snin, ir-reġim f’Tehran abbuża kontinwament ir-restrizzjonijiet imposti fuqu mill-Amerikani u fejn anki rnexxielu jiżviluppa ħażna ta’ biżżejjed uranju raffinat għal ‘diversi bombi atomiċi’.
//= $special ?>