Lokali

“Il-Partit Nazzjonalista jipproponi tibdil fir-regolamenti ambjentali biex jiġu mħarsa l-ambjent u r-residenti filwaqt li jkollna industrija sostenibbli” – PN

Wegħda ta’ Budget bla taxxa mill-Gvern vs realtà ta’ tariffi moħbija f’isem l-ambjent

Il-Partit Nazzjonalista ilu jtenni li l-ambjent għandu jingħata prijorità u li jemmen bis-sħiħ li għandu jkun hemm regolamentazzjoni serja tal-attivitajiet li jistgħu jħallu impatt fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti, fosthom l-impjanti tal-asfalt. Dawn għandhom ikunu rregolati b’mod trasparenti, effettiv u f’qasir żmien biex ir-residenti jkollhom is-serħan tal-moħħ li d-deċiżjonijiet qed jittieħdu b’mod responsabbli u miftuħ.

Hekk sostniet Rebekah Borg, ix-Shadow Minister għall-Ambjent, fi stqarrija fejn spjegat li madankollu, ir-Regolamenti dwar il-Permessi Ambjentali (A.L. 53/2025), kif imressqa mill-Gvern, qed ifallu f’diversi aspetti kruċjali. Il-Partit Nazzjonalista jemen li l-proċess mhux ċar biżżejjed, idum aktar milli meħtieġ u jħalli lir-residenti f’inċertezza, speċjalment meta attivitajiet sensittivi jsiru qrib zoni residenzjali.

Fl-istess waqt, kull min japplika għal kunsens jew permess qed jiffaċċja spejjeż ġodda, li effettivament mhuma xejn ħlief taxxi moħbija. Dawn imorru kontra l-wegħda tal-Gvern ta’ Budget bla taxxa u jistgħu jagħmlu aktar diffiċli l-konformità għal min irid jopera b’mod leġittimu u trasparenti.

Għalhekk, il-Partit Nazzjonalista ressaq Mozzjoni fil-Parlament biex temenda dawn ir-regolamenti, filwaqt li jfakkar li ilu jtenni l-ħtieġa ta’ regolamentazzjoni għal setturi li s’issa ma kinux irregolati minn aspett ambjentali, inkluż fuq il-bażi tar-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman dwar l-impjanti tat-tarmak.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen ukoll li l-industrija għandha bżonn ċarezza regolatorja li tippjana u tadatta ruħha għal rekwiżiti ġodda, mingħajr piżijiet bla bżonn jew mhux mistennija, kif ukoll li għandha tingħata l-opportunità tittrasforma l-operat b’mod sostenibbli mingħajr ma titlef il-kompetittività tagħha.

Il-proposti tal-Partit Nazzjonalista jinkludu wkoll:

  • Tnaqqis fil-perjodu ta’ kunsens biex il-kontroll regolatorju jsir aktar effettiv u l-ħarsien tal-ambjent u tar-residenti jissaħħaħ;
  • Ċertezza regolatorja li tneħħi piżijiet fuq l-industrija mhux ġustifikati;
  • Dritt ta’ appell minn deċiżjonijiet dwar kunsens, kemm għall-applikant kif ukoll għal partijiet terzi;
  • Żmien adegwat għall-parteċipazzjoni pubblika biex il-pubbliku jkollu l-opportunità jipparteċipa b’mod infurmat u sostanzjali;
  • Kundizzjonijiet għall-kunsens li jkunu magħrufa minn qabel, ippubblikati b’mod ċar u soġġetti għal konsultazzjoni pubblika;
  • Konsultazzjoni aktar effettiva mal-entitajiet relevanti;
  • Tneħħija ta’ spejjeż li jikkostitwixxu taxxi moħbija.

Il-Partit Nazzjonalista jħoss ukoll li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) diġà qed tbati minn nuqqas ta’ riżorsi u minn nuqqas ta’ użu effettiv tagħhom. B’dawn ir-regolamenti ġodda, l-Awtorità se tkun taħt aktar pressjoni u għalhekk, il-Mozzjoni mressqa fil-Parlament mill-Oppożizzjoni qed tħeġġeġ għal aktar rizorsi u ristrutturar aggressiv biex din l-Awtorità tkun kapaċi twettaq ir-rwol tagħha b’mod serju u effiċjenti.

Barra minn hekk, il-Partit Nazzjonalista ressaq ukoll emendi biex tkun imħarsa l-indipendenza operattiva tal-ERA ħalli tkun awtonoma tassew u kapaċi taġixxi mingħajr pressjonijiet jew influwenzi esterni, kif ukoll fl-aħjar interess tal-ambjent u tar-residenti.

Il-Partit Nazzjonalista jtenni li proċess regolatorju ċar, trasparenti u effiċjenti hu kruċjali biex jiġu mħarsa l-ġustizzja ambjentali u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li tippromovi industrija sostenibli. Bis-saħħa ta’ din il-Mozzjoni se jkunu adottati bidliet konkreti li jġibu bilanċ ġust bejn ħarsien ambjentali serju, stabbiltà għall-industrija u parteċipazzjoni pubblika vera.