Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jressaq emendi biex ikunu mħarsa l-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni

Il-PN jibqa’ impenjat favur il-ħarsien tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol


Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma prijorità li l-Partit Nazzjonalista dejjem sostna permezz tal-politika tiegħu u l-emendi li ressaq għall-Avviż Legali tal-Gvern b’rabta mal-ħaddiema fil-qasam tal-kostruzzjoni jkomplu jixhdu dan.

Hekk sostna Stanley Zammit ix-Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet fi stqarrija fejn spjega li kien propju Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista li fis-sena 2000 nieda l-ewwel liġi komprensiva dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u waqqaf l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol, l-OHSA.

Din l-awtorità sal-lum għad għandha rwol kruċjali biex tiżgura ambjent tax-xogħol sikur u diċenti għal kulħadd.

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ konsistenti fejn jidħlu standards ta’ sigurtà u kien ukoll grazzi għalih u għall-pressjoni li għamel li l-Gvern ċeda u aċċetta li ssir l-inkjesta pubblika dwar il-mewta traġika ta’ Jean Paul Sofia – mewta fuq il-post tax-xogħol li bħal oħrajn setgħet ġiet evitata.

Il-Partit Nazzjonalist ta l-kontribut sħiħ tiegħu tul kull fażi tar-reviżjoni tal-Att dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol li qed isir bħalissa. Dan minkejja l-mod limitat ferm kif din ir-reviżjoni ġiet ippreżentata mill-Gvern, b’nofs sajran, b’għaġla, u b’mod li mhux dejjem tpoġġi l-ewwel l-interessi tal-ħaddiem.

L-Avviż Legali 52 tal-2025 – Regolamenti tal-2025 dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq ix-Xogħol (Bżonnijiet minimi għas-saħħa u s-Sigurtà tax-Xogħol f’Siti ta’ Kostruzzjoni) imressaq mill-Gvern fih numru ta’ elementi pożittivi li jallinejaw ruħhom mad-Direttivi rilevanti tal-Unjoni Ewropea, iżda fih ukoll numru ta’ nuqqasijiet serji li jeħtieġ li jiġu indirizzati sew qabel ma r-regolamenti  jidħlu fis-seħħ u l-Partit Nazzjonalista ressaq emendi konkreti u kostruttivi biex tkun żgurata l-protezzjoni tal-ħaddiem.

Fost l-emendi proposti mill-Oppożizzjoni hemm:

·     L-introduzzjoni tal-Karta tal-Ħiliet tas-Saħħa u s-Sigurtà obbligatorja sa mill-1 ta’ Jannar 2027;

·     Il-ħatra ta’ supervisor tas-sigurtà fi stadju bikri, biex jiġi żgurat li r-riskji, anke tal-proġett meta jkun lest għall-użu, jiġu previsti u indirizzati mill-bidu;

·     Kjarifika legali fuq definizzjonijiet u t-tranżizzjoni għal proġetti pendenti;

·     Aktar setgħat u gwida ċara għall-OHSA biex tiżgura infurzar serju u effettiv;

·     Parametri speċifiċi għal rappreżentanti tal-klijenti.

Għal darba oħra l-Gvern tilef opportunità li jirrikonoxxi l-professjonijiet tal-Health and Safety Practitioners u tal-Project Managers, li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed jirrikonoxxi fost professjonijiet oħrajn bħala parti integrali minn riforma sħiħa u olistika fil-qasam tal-kostruzzjoni u oqsma oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista ressaq dawn l-emendi biex l-industrija tal-kostruzzjoni tkun regolata bl-ogħla standards ta’ trasparenza, ċarezza legali u infurzar effettiv u biex nevitaw li nitilfu aktar ħajjiet fuq siti ta’ kostruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jiżviluppa kultura sana ta’ saħħa u sigurtà fis-settur tal-kostruzzjoni u lil hinn minnu, b’infurzar ġust u robust ta’ liġijiet, regolamenti u standards ċari u trasparenti u msaħħa minn riċerka u mill-għarfien u taħrig kontinwu ta’ kull min b’xi mod huwa involut għal aktar serħan il-moħħ għal kulħadd.