Il-Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt Valletta jilqgħu b’sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell li ħassret is-sentenza tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi fuq is-sejħa ta’ interess għal xogħol fuq il-Kolleġġjata ta’ San Pawl Nawfragu.
L-istess sentenza treġġa’ wkoll lura d-deċiżjoni li l-Kunsill Lokali tal-Belt iħassar is-sejħa ta’ interess għal xogħlijiet fuq il-faċċata tal-Knisja.
Fix-xhieda tiegħu, il-Kap tal-Kumitat tal-Għażla qal li fis-sistema tal-EPPS (is-sistema fejn jintefgħu sejħiet għal xogħlijiet fost l-oħrajn tal-Kunsilli) ma hemmx lok fejn tikteb ir-raġuni għalfejn sejħa tkun tħassret u hemm biss l-għażla li titħassar.
Dan l-argument ma kkonvinċiex lill-Qorti li kkwotat sentenzi oħra fid-deċiżjoni tagħha. Hija qalet li jekk tassew kien hemm xkiel biex din id-deċiżjoni tintbagħat permezz tal-EPPS, ma kien hemm xejn milli jżomm lill-Kunsill Lokali milli jibgħat deċiżjoni motivata b’mezz ieħor hekk kif jitlob ir-Regolament 15(3) tar-Regolamenti dwar Kuntratti Pubbliċi.
Fid-deċiżjoni tagħha l-Qorti sabet żewġ nuqqasijiet primarji f’dan il-każ: li l-Kunsill Lokali tal-Belt kellu jikteb id-deċiżjoni tal-kanċellament tal-expression of interest u dan ma sarx, u li l-istess Kunsill ma infurmax lill-partijiet interessati b’din id-deċiżjoni.
Il-Qorti qalet li mhux biżżejjed li s-Sindku tal-Kunsill Lokali jikteb dwar it-tħassir tas-sejħa fuq il-mezzi soċjali personali tiegħu, għaliex dak li kiteb hu ma jirrappreżentax il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali kollu iżda jirrifletti biss il-fehma personali tiegħu.
Id-deċiżjoni tal-Qorti issa treġġa’ kollox lura għas-sitwazzjoni ta’ qabel ma kien ikkonfermat il-kanċellament tas-sejħa.
Il-Kunsillieri tal-Partit Nazzjonalista fil-Belt jinsabu sodisfatti b’din id-deċiżjoni li tagħmel ġustizzja mal-Pawlini Beltin u jerġgħu jsostnu li huma dejjem kienu favur it-tender u l-manutenzjoni ta’ patrimonju nazzjonali u parti mill-wirt ta’ belt UNESCO. Huma ħadmu u se jibqgħu jaħdmu qatigħ biex fil-Kunsill tal-Belt jirrenjaw il-ġustizzja u t-trasparenza.
Il-Kunsillieri Lokali f’isem il-Partit Nazzjonalista lesti li jaħdmu b’saħħithom kollha biex il-Kunsill Lokali tal-Belt jimxi b’mod ġust u biex il-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl tingħata l-mertu kollu li jixirqilha.
Dan intqal fi stqarrija minn Ylenia Montfort il-Minority Leader u Kunsilliera Lokali tal-PN fil-Belt Valletta, Roberta Bonello u Vince Fabr, Kunsillieri Lokali tal-PN fil-Belt Valletta.
//= $special ?>