Il-Viżjoni 2050 ta’ Malta trid tissarraf f’azzjoni konkreta għall-ġid komuni u għal kwalità ta’ ħajja aħjar. Għal wisq żmien, il-Gvern injora l-problemi ċari li ġew enfasizzati mill-pubbliku, mill-Oppożizzjoni, u mis-sidien tan-negozju u l-għaqdiet tal-konsumaturi – u llum qegħdin inħallsu prezz qares.
Filwaqt li l-Viżjoni 2050, imnedija llum, hija pass fid-direzzjoni t-tajba, il-Partit Nazzjonalista jemmen bis-sħiħ li wasal iż-żmien li naraw riżultati konkreti u ċari – mhux biss wegħdi vojta oħra u pjanijiet fit-tul li qatt ma jaraw id-dawl.
Fi stqarrija, id-deputati tal-PN Graham Bencini, Ivan J Bartolo u Jerome Caruana Cilia qalu li l-Gvern irid jindirizza l-kwistjonijiet kruċjali li għadhom qed jaffettwaw lill-pajjiż illum, fosthom l-għoli tal-ħajja li qiegħed jippersisti, it-tkabbir tal-popolazzjoni bla kontroll, il-problemi fl-infrastruttura tas-saħħa u tal-edukazzjoni, it-traffiku u l-governanza. Barra minn hekk, qed niffaċċjaw nuqqas sinifikanti ta’ ħiliet, riskji minn bidliet fil-politika tat-taxxa internazzjonali, u tħassib dwar ir-reputazzjoni ta’ Malta – sfidi li għandhom bżonn jiġu indirizzati b’urġenza qabel ma jkun tard wisq.
Il-Partit Nazzjonalista jappella għal riformi meħtieġa fis-settur edukattiv biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ ħiliet, miżuri biex Malta tibqa’ attraenti għall-investiment, governanza aktar b’saħħitha biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ta’ reputazzjoni, u fokus ċar fuq investiment fl-infrastruttura biex jappoġġja t-tkabbir ekonomiku.
Filwaqt li l-Viżjoni 2050 telenka għanijiet fit-tul, id-deputati Nazzjonalisti laqgħu d-deċiżjoni li jiġu integrati miri li jistgħu jintlaħqu fil-qrib, biex jitkejjel u jkun żgurat li jsir progress reali.
Wasal iż-żmien li l-Gvern jgħaddi mill-kliem għall-fatti u jindirizza l-isfidi tal-lum – mhux biss dawk ta’ għada.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat li jikkollabora mal-partijiet kollha involuti biex flimkien nibnu futur sostenibbli u ta’ suċċess għal Malta.
Huwa biss permezz ta’ sforz kollettiv u djalogu kontinwu li nistgħu nindirizzaw b’mod effettiv l-isfidi tagħna u nilħqu l-aspirazzjonijiet imfassla fil-Viżjoni 2050 ta’ Malta.
//= $special ?>