Lokali

Insostnu l-prodotti ġenwini lokali billi ninvestu f’min dejjem sostna lill-familji Maltin

Il-Kap tal-PN Bernard Grech iżur il-Malta Dairy Products; ħtieġa ta’ investiment biex il-prodotti lokali jibqgħu sostenibbli u jibqgħu jaslu fuq l-imwejjed tagħna

Il-prodott ġenwin u frisk Malti għandu jiġi mħares b’kull mezz possibbli. Prodott bħalma hu l-ħalib frisk Malti u l-prodotti li jsiru minnu għandhom jibqgħu aċċessibbli għall-Maltin u l-Għawdxin li jippreferu dak li hu frisk u lokali minn prodott ieħor.

Waqt żjara lill-Malta Dairy Products, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq dwar il-ħtieġa li kumpaniji lokali li jipproduċu prodotti ġenwini lokali bħalma hu l-ħalib għandhom jiġu megħjuna llum qabel għada biex jibqgħu sostenibbli. Dan permezz ta’ għajnuniet għal investimenti meħtieġa biex il-prodott jibqa’ kompetittiv f’dinja fejn il-konsumatur għandu l-għażla.

Waqt din iż-żjara bi tħejjija għal Jum il-Ħaddiem 2025, id-delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista – li kienet tinkludi lix-Shadow Minister għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina, ix-Shadow Minister għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Ħarsien tal-Annimali Janice Chetcuti u l-kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali Norma Camilleri – iddiskutiet mat-tmexxija tal-MDP dawk li huma l-isfidi u l-miri li għandha din il-kumpanija.

Il-Malta Dairy Products rat tibdil kbir tul is-snin u mill-1950 – meta l-MMU, kif kienet magħrufa qabel xtrat l-ewwel żewġ makkinarji tal-pasturizzar – sal-lum, il-kumpanija baqgħet timmodernizza l-apparat tagħha u llum taħdem bl-ogħla standards tal-produzzjoni.

Din il-kumpanija issa qiegħda tħabbat wiċċha ma’ sfidi kbar li jridu jiġu indirizzati llum qabel għada. Il-Gvern għandu b’mod immedjaat jinvesti f’kumpanija fejn wara kollox hu stess għandu 30% tal-ishma, biex il-familji Maltin u Għawdxin ma jiġux imċaħħda mill-għażla ta’ prodotti tal-ħalib friski li ilhom jixtru s-snin u biex il-kumpanija flimkien mal-ħaddiema tagħha jkunu jistgħu jibqgħu jaħdmu u jikkontribwixxu għall-ekonomija Maltija.

Bħalissa l-MDP għandha 170 ħaddiem u tipproduċi prodotti magħmula minn ħalib minn 77 razzett, 49 f’Malta u 28 f’Għawdex.

L-għalf għal dawn l-irziezet jitkabbar f’għelieqi f’Malta kif ukoll f’Għawdex u jekk jonqos il-bejgħ tal-prodott tal-MDP u tonqos id-domanda għall-għalf, dawn l-għelieqi jissograw li jintilfu.

Il-Malta Dairy Products tipprovdi l-prodotti tagħha lil bosta negozji u sptarijiet. Il-Gvern għandu jkun ta’ eżempju lil negozji oħra, billi fl-istituzzjonijiet tiegħu jsostni prodott lokali u jagħżel, l-ewwel, prodotti friski tal-MDP fuq prodotti impurtati. Dan aktar u aktar f’postijiet bħal sptarijiet u postijiet oħra tas-servizz tas-saħħa fejn il-pazjent għandu jingħata l-aktar għażla friska u ġenwina.

Il-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fil-prodott Malti u dejjem ra kif għamel biex il-ġenwinità tal-prodott lokali tiġi mħarsa. Dan billi jinċentiva u jsostni investimenti ħalli kumpaniji bħall-Malta Dairy Products jibqgħu mhux biss sostenibbli imma jibqgħu joffru prodotti ġenwini b’impjanti u proċeduri li jżommu l-ogħla standards. Dan sabiex il-Maltin u l-Għawdxin ikunu jistgħu jibqgħu jagħżlu l-prodott frisk lokali kull fejn ikun possibbli.