Ivan Castillo, PN
Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Castillo sostna fl-aġġornament tal-Parlament li jeħtieġ deċiżjonijiet studjati dwar diversi proġetti fil-Mellieħa.
Ivan Castillo tkellem dwar il-bini ta’ skola ġdida fil-Mellieħa u qal li din l-iskola ilha mwiegħda 11-il sena. Hu qal li tliet ministri Laburisti kellhom pjani differenti għal din l-iskola. Issa l-gvern iddeċieda li jagħmel biss żewġ sulari ta’ parkeġġ taħt l-art li mhux se jkun biżżejjed.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern qed jipproponi li l-istudenti jitpoġġew fil-Park ta’ Selmun, proprju fl-uniku spazju miftuħ li hemm. Issa se jitpoġġew il-containers biex jintużaw bħala klassijiet temporanju.
Hu appella biex ikun hemm konsultazzjoni mar-residenti iżda l-gvern l-ewwel ħareġ il-permess u wara ħareġ il-konsultazzjoni pubblika. Din saret biss wara pressjoni mill-Kunsill Lokali. Il-gvern seta’ kkunsidra l-mużew tas-subien jew iz-zona tal-Palazz ta’ Selmun għal din l-iskola temporanja.
Id-deputat Nazzjonalista qal li flok sar pjan fit-tul il-gvern ħa deċiżjonijiet mgħaġġla tant li lanqas ippjana dwar skola sajf. Fl-istess perjodu li tkun qed titwaqqa’ l-iskola it-triq ewlenija tal-Mellieħa se tingħalaq u se jsir it-tkabbir tal-impjant tad-drenaġġ fil-Qammieħ. Dan se jistaġna z-zona kollha tal-Mellieħa.
Hu qal li l-gvern għandu alternattiva u għandu jkkunsidra l-għażliet kollha li għandu biex titjieb il-kwalità tal-istudenti. Il-gvern jista’ jsolvi l-problemi tal-kaos tat-traffiku b’dawn il-proġetti li se jsiru fl-istess waqt, sostna d-deputat Nazzjonalista Ivan Castillo, li appella biex il-gvern jikkunsidra alternattivi.
//= $special ?>