Lokali Parlament

Jeħtieġ pjan nazzjonali u komprensiv biex il-problema tal-faqar tkun indirizzata

Paula Mifsud Bonnici, PN

Id-Deputat Nazzjonalista Paula Mifsud Bonnici qalet fil-Parlament li jeħtieġ pjan nazzjonali u komprensiv biex il-problema tal-faqar tkun indirizzata.

Paula Mifsud Bonnici qalet li bħalissa l-Parlament qed jiddiskuti r-rapport dwar żvilupp sostenibbli 2023; sentejn tard. Hi spjegat it-tifsira ta’ żvilupp sostenibbli u qalet li kull entità għandha ttejjeb l-iżvilupp sostenibbli b’bilanċ bejn l-ambjent u l-ekonomija b’enfasi fuq il-kwalità tal-ħajja tal-komunità.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-inklussività soċjali b’enfasi fuq l-anzjani u qalet li hemm diversi sfidi għall-anzjani. Dan il-gvern neża’ r-ruħ soċjali tiegħu fejn qed jitfa’ l-problemi soċjali taħt it-tapit u waqa’ lura fil-miri tiegħu stess tant li dan hu gvern mifni bid-dejn li ħoloq hu stess.

Hi kkowtat l-istatifika fejn jirriżulta li persuna minn kull 10 ma taffordjax tiekol ikel sustanzjuż b’mod regoli waqt li tliet persuni minn kull 10 ma jaffordjawx btala darba fis-sena.

Is-sena li għaddiet, il-YMCA rrapportat li kellha 39 persuna ta’ iktar minn 60 sena li rrikorrew għall-appoġġ għandha għax ma kellhomx fejn jgħixu. Tlieta minnhom kienu anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena. Il-Kap Eżekuttiv tal-YMCA ddikjara li dawn il-każi se jkomplu jikbru għaliex il-pensjonijiet mhumiex iservu. Jirriżulta li l-YMCA kellha 150 każ fl-2024 meta mqabbla mat-42 każ fl-2023.

Jeħtieġ pjan nazzjonali u komprensiv biex il-problema tal-faqar tkun indirizzata, sostniet Paula Mifsud Bonnici, li qalet li l-PN ilu jippreżenta proposti biex titjieb il-kwalità tal-ħajja.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar l-anzjanità attivta u appellat biex isiru liġijiet biex persuni kbar fl-età jkomplu jaħdmu. Il-popolazzjoni qiegħda dejem tixjieħ għaliex qed ikun hawn iktar anzjani ta’ iktar minn 65 sena komparata mal-popolazzjoni li taħdem. Jeħtieġ tissolva l-anomalija li persuna li tkun ħallset 40 sena ta’ kontirbuzzjonijiet u għalqet il-61 sena biex din tkun tista’ tkompli taħdem. Illum dawn il-persuni jistgħu jirċievu l-pensjoni iżda ma jistgħux jibqgħu jaħdmu. Din hi inġusta għaliex tmur anki kontra l-policy tal-UE. L-ekonomija tal-pajjiż għandha bżonn persuni ta’ ‘l fuq minn 61 sena jibqgħu jaħdmu għaliex meta dan ma jsirx, il-pajjiż jitlef il-ħiliet tagħhom.

Hi appellat biex ikun hemm iktar investiment fid-djar għall-anzjani u qalet li l-gvern mhux biss ma beniex djar għall-anzjani iżda ħatthom.

Fost dawn hemm dawkk fl-Imsida, f’Bormla u f’Birkirkara waqt li hemm lista ta’ stennija ta’ 1,600 anzjan li qed jistennew biex jidħlu fid-djar għall-anzjani.

Teżisti wkoll diskriminazzjoni bejn l-anzjani fid-djar għall-anzjani fejn hemm min jitnaqqsulu 80% mid-dħul tal-pensjoni u hemm min jitnaqqsulu 60% tal-pensjoni fejn anki l-anzjani jingħataw servizzi differenti. Dwar l-għażla tad-djar għall-anzjani, hi qalet li l-anzjani għandu jkollhom l-għażla f’liema dar jixtiequ jmorru.

Paula Mifsud Bonnici kkritikat ukoll l-ikel li jingħata fid-djar għall-anzjani u qalet li dan mhux dejjem qed jasal fl-aqwa kundizzjoni.

Id-deputat Nazzjonalista appellat biex il-bankini u t-toroq ikunu siguri għall-anzjani. L-anzjani għandu jkollhom aċċessibbiltà sħiħa għall-informazzjoni dwar il-mard. Il-PN qed jipproponi li l-anzjani jkollhom internet b’xejn biex jikkomunikaw. Importanti li l-komunitajiet ikunu siguri biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fihom.

Paula Mifsud Bonnici qalet li l-gvern mhuwiex jinvesti fiċ-ċentri għal matul il-lejl anzi qed jagħlaqhom. Il-gvern lanqas qed jinvesti f’bini li jagħti iktar protezzjoni lill-anzjani. L-anzjani qed jiffaċċjaw ukoll il-problema ta’ nuqqas ta’ mediċini bil-konsegwenza li qed ikollhom jixtruhom.

Hi tkellmet dwar id-dimentia u staqsiet kemm verament qed isir investiment f’dan is-settur. Hawn 8,000 anzjan li jbatu b’din il-kundizzjoni li mistennija tirdoppja sa ftit snin oħra.

Paula Mifsud Bonnici qalet li fil-budget il-gvern ivvota biss €200,000 għall-istratġeija tad-dimentia; bla dubju ammont li mhuwiex biżżejjed. Jeħtieġ investiment fir-riċerka f’dan is-settur, sostniet Paula Mifsud Bonnici.