Lokali

Jingħata l-aħħar tislima Joseph Carabott

It-Tlieta filgħodu saret iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Joseph Carabott, il-ġojjellier miż-Żurrieq li f’Awwissu ta’ sentejn ilu kien spiċċa vittma ta’ serq mill-ħanut tiegħu u swat b’mod vjolenti, b’riżultat li tħalla mitluq waħdu għall-mewt.

Kaġun ta’ din l-aggressjoni, Joseph Carabott spiċċa bi ħsara akuta f’moħħu tant li qatt ma rkupra mill-attakk. Bil-familja ta’ Carabott, issa, tilfu lill-għażiż tagħhom wara sena u nofs ta’ tbatija kontinwa.

F’Awwissu tal-2023, Carabott instab minn uliedu fil-ġojjellerija tiegħu, mal-art f’għadira demm, b’idejh marbuta.

Sussegwentement tliet persuni ġew arrestati u akkużati b’serq aggravat. Waqt tfittxijiet li saru f’waħda mir-residenzi marbuta ma’ wieħed mill-akkużati, il-Pulizija sabu ġojjelli, pendenti, u diversi pirmli. F’appartamenti oħra, il-Pulizija sabet basktijiet bi flus kontanti, arloġġi, imsielet u ġojjellerija oħra, kif ukoll arloġġ li kien għat-tiswija għand Carabott. Sabu anke business card tal-istess ħanut misruq.