Xufier ta’ 42 sena li diġà nstab ħati li abbuża sesswalment mit-tifla tas-sieħba tiegħu, kellu s-sentenza ta’ erba’ snin u ħames xhur ħabs ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri
Kien f’Ottubru li għadda li ġie kundannat mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit u hu appella minnha u talab lill-Qorti tirrevoka s-sentenza u tilliberah. L-imputat, li ismu ma jistax jixxandar biex jipproteġi l-identità tal-vittma, instab ħati ta’ atti sesswali mhux kunsenswali, inkluż tbagħbis fiżiku mhux xieraq u mġiba ta’ theddid lejn is-sieħba tiegħu u uliedha.
Fl-ewwel Qorti kien ħareġ li l-abbuż seħħ f’April, 2022, meta mara flimkien ma’ żewġ uliedha żgħar bniet marru għand il-Pulizija jirrapportaw l-abbuż tiegħu. Fil-Qorti nstema’ kif wara għadd ta’ abbużi, huma sabu l-kuraġġ li joħorġu mid-dar u jagħmlu r-rapport.
L-omm irrakkontat li waħda mill-bniet u hi kienu fil-kċina meta beda jinbaħ il-kelb u r-raġel qam irrabbjat jilmenta li ma setax jorqod. Dak il-ħin ukoll daqqlu l-mobile u wara beda jgħajjat mas-sieħba tiegħu u bintha.
Hu beda jgħajjar lit-tifla b’missierha. Hedded li jekk missier it-tifla jifrex fuq l-għatba tad-dar jifqagħlu wiċċu u jispiċċa ħażin. Dak il-ħin it-tifla ħarġet mid-dar u ċemplet lil nannuha. It-tifla qalet li dan ma kienx l-ewwel każ iżda ommha kienet beżgħana li jista’ jpattihielhom u għalhekk dejjem qagħdet kwieta.
Meta kienu qed jitkellmu mal-Pulizija bdew joħorġu aktar stejjer. Waħda mill-bniet, li kellha 15-il sena, irrakkontat kif kienet abbużata sesswalment minnu. Qalet li r-raġel kien jgħajtilha għal kamra tas-sodda biex “jitkellmu”.
Wara kien ipoġġi ħdejha u jmissilha sidirha. It-tifla qalet li kien jgħidilha li jħobbha u li din ġrat diversi drabi. Hija kienet ħadet ritratt b’idu fuqha u wrietu lill-Pulizija. Żiedet tgħid li ġieli daħal fuqha fil-kamra tal-banju tinħasel.
L-omm qalet li ma kinitx taf b’dan u qalet kif kien jheddidha li jkissrilha l-karozza u li se jumiljaha fuq ix-xogħol. Il-Pulizija qalet li meta kellmet lill-akkużat dan ċaħad li kien hemm xi aġir sesswali u li kieku kien hemm it-tifla kienet ittih daqqa ta’ ħarta u mhux tħallih.
Qal li ġieli mess sider it-tifla b’ċajta u mhux bi ħsieb sesswali. Meta ġie kkonfrontat bir-ritratt huwa qal li idu kienet fuq il-flokk. Il-Qorti kienet qalet li r-raġel prova jwaqqa’ s-sitwazzjoni għaċ-ċajt u li m’għandhiex dubju mill-aġir tiegħu u li l-verżjoni tat-tifla hija kredibbli.
Dakinhar il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, qalet li r-raġel kien jaf li għadha żgħira u li kien qed imissha b’mod intimu. Hija sabitu ħati u bagħtitu erba’ snin u ħames xhur ħabs. Ordnat ukoll li ismu jitniżżel fuq ir-reġistru tal-pedofoli.
Meta l-Imħallef Neville Camilleri ġie biex jiddeċiedi fuq l-appell imressaq, tenna li f’ebda mument l-ewwel Qorti ma ppreġudikat il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza. Innota li kien hemm biżżejjed provi. Meta r-raġel qal li kien qed jipprova jiftaħ għajnejn it-tifla, il-Qorti weġbitu li biex jiftħilha għajnejha ma kellux għala jmissilha l-partijiet privati tagħha.
Il-Qorti tal-Appell ikkunsidrat ukoll il-fedina penali tiegħu li mhix nadifa. Qalet li l-ewwel sentenza taqa’ fil-parametri tal-liġi u mhix eċċessiva. Sostniet li dan il-każ jimmerita piena ta’ ħabs, għalhekk ikkonfermat il-piena tal-ewwel Qorti.
//= $special ?>