Disat’ijiem wara r-rebħ tax-Shield tar-Regatta tal-31 ta’ Marzu mill-Birgu, id-diskussjoni dwar id-deċiżjoni li kienet meħuda dakinhar, ċioé li t-tiġrija tad-Dgħajjes tal-Pass bi Tnejn fil-Kategorija A terġaħ ssir, baqgħet għaddejha. Fil-jiem li għaddew, il-klabb tar-regatta l-Isla ħareġ stqarrija biex jgħid li “waslu għal konklużżjoni ċara li l-klabb kien miċħud mir-rebħ tal-Kategorija Open tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien 2025.” Għaldaqstant l-Isla għamluħa uffiċjali li kienu se jieħdu passi legali kontra dawk li skont huma kienu responsabbli.
Fl-aħħar żviluppi dwar din il-kontroversja, l-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor spjegat li hi komposta minn membri msieħba minn kull distrett parteċipant fir-Regatta Nazzjonali, liema membri, darba kull sentejn, jaħtru tim amministrattiv kompost minn President, Segretarju u Kaxxier, flimkien m’assistenti ta’ dawn il-karigi. It-tim amministrattiv hu maħtur b’vot li jittieħed fost il-membri rappreżentanti tad-distretti waqt Laqgħa Ġenerali.
L-istqarrija maħruġa mill-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor tkompli tgħid li “d-deċiżjoni meħuda fir-Regatta tal-31 ta’ Marzu 2025, li t-Tiġrija tad-Dgħajjes tal-Pass bi Tnejn fil-Kategorija A terġa’ ssir, kienet deċiżjoni meħuda mill-kumitat tekniku u mhux mit-tim amministrattiv u lanqas mill-ebda individwu.”
L-istqarrija żżid tgħid li l-kumitat tekniku huwa differenti u indipendenti mill-amminstrazzjoni tal-Għaqda u hu kompost minn rappreżentant ta’ kull distrett partecipanti. Dan il-kumitat tekninku tlaqqa’ fid-dawl ta` ċirkostanzi straordinarji li nqalgħu wara t-tellieqa msemmija.
Dan il-kumitat wasal għad-deċizjoni tiegħu, li skont l-istqarrja kienet “iggwidat mis-sens komun”, wara diskussjoni estensiva fuq ir-regolamenti, inkluż Regolamenti 3.13 u 3.20 li jiggvernaw it-tiġrijiet tar-Regatta Nazzjonali.
Għaldaqstant minħabba d-deċiżjonijiet meħuda fl-edizzjoni tar-Regatta ta’ Jum il-Ħelsien 2025, l-Għaqda se tkun qed issejjaħ diskussjoni kif xieraq sabiex, wara konsultazzjoni neċessarja, jittieħdu d-deċiżjonijiet li hemm bżonn.
L-Għaqda Regatta Nazzjonali u Qdif Ieħor ttenniet l-impenn tagħha “li tkompli torganizza t-tiġrijiet tar-Regatta f’ambjent san u li jixraq lil din il-kompetizzjoni tradizzjonali li tiġbed tant interess u segwaċi minn edizzjoni għall-oħra.”
//= $special ?>