Mara ta’ 36 sena kienet immultata €1,000 wara li nstabet ħatja li weġġgħet gravi lill-kollega tagħha waqt li kienet qed issuq vettura fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta. Kaġun tal-inċident il-vittma nqatgħulu xi nervituri.
Davinia Camilleri nstabet ħatja li kkaġunat l-inċident fid-29 ta’ April ta’ sentejn ilu fil-parkeġġ tal-Aerodrome Park 9, meta wasslet lill-kollega tagħha ħdejn vettura oħra. Fil-Qorti l-kollega tagħha, jiġifieri l-vittma, xehed kif huwa kien passiġġier fil-vettura misjuqa minn Camilleri, u din waqqfitlu biswit vettura oħra biex ikun jista’ jinżel u jirkeb fit-tieni vettura. Wara li tela’ fit-tieni vettura u mar biex jagħlaq il-bieba, Camilleri saqet u ħaditlu jdejh bi strument li kien hemm imwaħħal mal-ġenb ta’ dawn it-tip ta’ vetturi użati fl-ajruport.
Il-Qorti semgħet li l-istrument imsejjaħ Marwis jintuża meta tagħmel ix-xita biex juri l-ilma li jkun hemm fuq ir-runway, u li dan kien jisporġi ‘l barra mill-ġenb tal-vettura. Il-vittma qal li idu nqabdet bejn l-istrument u l-bieba, b’konsegwenza li nqatgħulu n-nervituri.
Xehed li wara dan l-inċident l-MIA bidlet il-pożizzjoni tal-istrumenti u waħħlithom fuq in-naħa ta’ wara, kif ukoll ġie miżjud id-dawl fil-post fejn seħħ l-inċident. Huwa informa wkoll lill-Qorti li qed ifittex lill-MIA għad-danni.
Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Starace, sabet lil Camilleri ħatja li kkawżat l-inċident b’nuqqas ta’ ħsieb, u mhux bi traskuraġni, u għalhekk immultatha €1,000 u naqqsitilha 10 punti mil-liċenzja tas-sewqan.
//= $special ?>