Albert Buttigieg, PN
Id-deputat Nazzjonalista Albert buttigieg qal fl-aġġornament tal-Parlament li nuqqas ta’ sigurtà f’diversi lokalitajiet qed iwassal għal serq.
Albert Buttigieg qal li l-gvern mhux qed jgħid kemm kien hemm serq minn djar privati f’San Ġwann, fis-Swieqi u l-Madliena u kemm saru talbiet mir-residenti għall-assistenza tal-Pulizija minħabba nuqqas ta’ sigurtà.
F’dawn il-lokalitajiet flimkien mal-Imsida u l-Gżira, l-għases tal-Pulizija huma magħluqin u l-gvern jinħeba wara l-Pulizija tal-Komunità li ma kellhomx jieħdu post l-għases tal-Pulizija. Gvern Nazzjonalista jassigura li l-għases tal-Pulizija jkunu miftuħa biex ikun hemm is-sigurtà fil-komunità.
Fl-aħħar ġimagħtejn kien hemm diversi serqiet minn djar f’dawn il-lokalitajiet fejn anki kien hemm każi fejn il-ħallelin kienu qed jisirqu waqt li l-familji kienu qed jieklu fl-istess mument.
F’San Ġwann koppja anzjana li tmur il-quddies tas-6.45am, meta rritornat sabet id-dar imqallba kollha. Każ ieħor kien ta’ anzjani li fl-4pm joħorġu jduru dawra mal-blokk u meta rritornaw wara siegħa sabu d-dar ħerba sħiħa.
Id-deputat Nazzjonalista qal li dawn huma esperjenzi koroh iżda l-ministru qed jgħid li 13-il sena ilu kien hemm iktar serq mil-lum. Il-fatti huma li l-Ministru tal-Intern hu responsabbli issa.
Albert Buttigieg qal li fil-COVID ħafna persuni anzjani sofrew fis-saħħa mentali minħabba li ngħalqu fid-djar taghħom u għalhekk m’għandu qatt ikun aċettat li l-anzjani jibżgħu joħorġu proprju minħabba nuqqas ta’ sigurtà.
//= $special ?>