Opinjoni

OPINJONI: Għadu ħaj

Parti mill-folla kbira ta’ nies li mxiet wara l-Kurċifiss Ta’ Ġieżu ftit ġimgħat ilu f’Għawdex
Minn dawn l-eluf jidher ċar li dan il-poplu għadu jagħraf dak li huwa sewwa. Irid, però, dejjem iktar gwida li tfiehmu f’termini u fil-lingwa tal-lum. Dik li minnha nifhmu kemm il-Kurċifiss huwa importanti. Kemm fil-fatt għadu ħaj.

mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem

Fis-soċjetà li qed ngħixu fiha, dik li minn barra tidher li qiegħda fit-triq li titlef l-għeruq kulturali tagħha. Dik li hija iktar diffiċli u iebsa mal-oħrajn, fejn l-egoiżmu jrid jirbaħ. Fiha tiskanta meta minflok tara l-kontra ta’ dak li taħseb li huwa fil-fatt għaddej.
Tlifna xorta ħafna mill-preparazzjoni kulturali li kellna qabel u l-prijoritajiet fil-ħajja tal-bniedem inbidlu. Sirna niġġudikaw iktar minn qabel fil-ħażin. Kliem dispreġjattiv jingħad b’iktar libertà żbaljata. F’ħafna ma ninsabux fid-direzzjoni t-tajba, siewja u ta’ sustanza, imma f’forma kuntrarja tagħha. Hawn ġenn differenti. Li huwa ċert hu li naqset l-importanza tal-valuri Nsara li sawruna. F’dan naqsu wkoll dawk li jaqraw kotba li jiffurmawhom u li jippreparawhom għall-isfidi li kull dinja tippreżenta lill-persuni umani.
Naqsu wkoll dawk li kapaċi jwasslu bi kliemhom il-messaġġ it-tajjeb fit-truf tas-soċjetà. Imma l-fatt jibqa’ li kull min huwa ħaj jagħraf, f’mument jew ieħor, li qiegħed jitlob u jfittex ġewwa fih il-verità. Li jkompli jfittex biex isib dik ir-raġuni li ħaqqha li wieħed jitlaq kollox u li jaħdem sew għaliha. Imma l-istampa mhijiex daqshekk iffjurita.

Il-Kardinal
Fuq dan ġie f’idi proprju dak li servieni biex insib gwida. Ktieb miktub mill-Kardinal Angelo Comastri (1943), li huwa magħruf f’pajjiżna xi ftit mertu tal-intervisti li jsirulu. Bniedem ta’ tjubija, imma wkoll ta’ viżjoni, preparazzjoni u kultura twila u soda.
Fit-tmenin sena skorruti tiegħu ma baqax lura la mill-qari u wisq inqas mill-kitba. Persuna li naturalment tinġibed lejh fil-ħlewwa u l-qdusija li jġorr tant tajjeb miegħu. Fost kitbietu qrajt u lestejt ftit jiem ilu wieħed li laqatni sew. It-titolu tiegħu, li huwa Il Crocefisso è Vivo (2017) ma stajtx proprju nqiegħdu f’moħħi salv wara li kont qrajt, u terġa’ ferm iktar waqt li rajt id-devozzjoni u l-parteċipazzjoni ta’ tant minna fuq dawn il-gżejjer wara Kurċifiss partikolari. Kif kont fil-frattemp qiegħed nistaqsi kif f’sinjal tal-passat, seta’ dan il-Kardinal jara fih wieħed mhux biss preżenti, imma aktar li għadu ħaj magħna. Nammetti li huwa ħsieb li laqatni sew.

Miktub mill-qalb
F’ħafna, il-ktieb jitlaq fl-isfond ta’ dak li l-Ewropa kienet rat ftit snin ilu. Meta saret talba sabiex jitneħħa l-Kurċifiss mill-iskejjel. Kawża li qajmet ħafna reazzjonijiet mill-iktar interessanti fost dawk li kienu jiddikjaraw ruħhom bħala atei.
Fl-introduzzjoni, il-Kardinal jibda b’dan il-ħsieb: “Gesù è entrato dentro la nostra pazza storia con il passo dell’umiltà e della semplicità.” (Ġesù daħal fl-istorja mħawda u kumplikata tagħna bil-passi tal-umiltà u tas-sempliċità.) Fil-bidu, wara jaqbad numru ta’ awturi li kienu kitbu kontra t-tneħħija tal-Kurċifiss u mbagħad ikompli bil-konverżjoni ta’ numru ta’ bnedmin: poeti, kittieba bħal Ernest Renan (1823-1892), Andrè Frossard (1915-1995), Giosuè Carducci (1835-1907), Adolphe Rettè (1863-1930) u Giovanni Papini (1881-1956). Bnedmin li kienu għamlu l-missjoni tagħhom dik li jattakkaw lill-Knisja u wara saru Kattoliċi. Fil-bidu ta’ kitbietu nsibuh, kif għedt, bi kliem il-kittieba Natalia Ginzburg (1916-1991), Lhudija u Komunista.

Tiddefendi l-Kurċifiss
Hi, li ċertament ma kinetx u ma saritx Nisranija, tgħid hekk: “Il crocefisso non genera nessuna discriminazione. Tace. È l’immagine della rivoluzione cristiana, che ha sparso per il mondo l’idea dell’ugualianza fra gli uomini fino allora assente. La rivoluzione cristiana ha cambiato il mondo.” (Il-Kurċifiss ma jġib l-ebda forma ta’ diskriminazzjoni. Jiskot. Huwa l-immaġini tar-rivoluzzjoni Nisranija, li xerrdet mad-dinja l-idea tal-ugwaljanza bejn il-bnedmin li qabel ma kinetx teżisti. Ir-rivoluzzjoni Nisranija li biddlet id-dinja.) U tkompli hekk: “Il crocefisso è il segno del dolore umano. La corona di spine, i chiodi, evocano le sue sofferenze. La croce che pensiamo alta in cima al monte, è il segno della solitudine nella morte. Non conosco altri segni che dicano con tanta forza il senso del nostro umano destino. Il crocefisso fa parte della storia del mondo.” (Il-Kurċifiss huwa s-sinjal tas-sofferenza umana. Il-kuruna tax-xewk, l-imsiemer ifakkruna fit-tbatijiet tiegħu. Is-Salib li narawh ’il fuq fuq il-għolja huwa s-sinjal tas-solitudni fil-mument tal-mewt. Ma naf b’ebda sinjal ieħor li jiddikjara dan b’tant qawwa s-sens tad-destin uman tagħna. Il-Kurċifiss huwa parti mill-istorja tagħna.)

Argument
Il-ktieb huwa mexxej u sabiħ ħafna għal min, speċjalment f’dawn il-ġranet tar-Randan, irid jaffronta l-Argument Fundamentali tar-raġuni tal-ħajja. Fl-istejjer umani li nsibu rakkuntati, ħafna drabi huma dawk li biddlu ħajjithom li jitkellmu direttament mill-qalb dwar dak li għaddew minnu, u mhux minn kelmet il-Kardinal. Għalhekk huma iktar viċin tal-bniedem fil-problemi u l-kumplikazzjonijiet li hu stess joħloq għalih innifsu.
Biss, Angelo Comastri, b’analiżi attenta u preċiża jmiss ma’ dak li għalih u għal diversi oħrajn huwa verament l-argument determinanti. Huwa jgħid hekk: “Ma il vero problema non sta nel lasciare o nel togliere l’immagine del Crocefisso; il vero problema è la non-conoscenza di Gesù.” (Imma l-veru problema mhijiex jekk tneħħix il-Kurċifiss jew le; il-problema vera hija dik tan-nuqqas tal-għarfien ta’ Ġesù.) Punt li jimmarka aktar kull żmien u dak li għaddejjin minnu. Jibqa’ ħaj kemm aħna nħalluh hekk. Kemm insiru nafu u kemm jinteressana li nkunu esposti għal dak it-tagħlim. Il-vera ħajja hija proprju hemm.

Kurċifiss Mirakoluż
Il-ħsibijiet tiegħu komplew jimxu miegħi waqt li f’dawn il-jiem stajna nkunu xhieda ma’ dak li l-bnedmin ħarġu u attendew għalih bi ħġarhom. L-ewwel fil-Pellegrinaġġ tal-Kurċifiss Mirakoluż meqjum fil-Knisja ta’ Ġieżu fil-Belt, li sar f’Għawdex bejn is-7 u d-9 ta’ Marzu. Kienu eluf li nqalgħu minn djarhom sabiex marru fil-Knisja Franġiskana ta’ Għajnsielem.
Wara, fil-jiem li għaddew, l-istess sriebet twal ta’ nies rajniehom fil-Knisja ta’ Ġieżu l-Belt, ġewwa postu stess. L-eluf ta’ persuni ta’ kull età, li kif sewwa wisq irrappurtat din il-gazzetta, marru għall-quddies u għall-attivitajiet reliġjużi li saru, u li setgħu ssorprendew lil ħafna. Anke għalija stess. F’dan waqaft aktar naħseb li proprju l-Ġimgħa ta’ din il-ġimgħa, waqt li nfakkru Jum id-Duluri, se nerġgħu naraw kwantità kbir ta’ bnedmin f’kull rokna ta’ pajjiżna barra jimxu warajh. Tifhem fil-fatt għala Comastri qalilna: “Il Crocefisso è Vivo”.

Il-Kurċifiss għadu ħaj magħna
Hekk stajt nara ma’ dawk li tkellimt magħhom: li fil-fatt ninsabu wkoll f’soċjetà li trid tfittex li tkun differenti milli hija llum. Sinjal ċar tal-kontra ta’ dak li naħsbu li qed naraw.
Minn dawn l-eluf jidher ċar li dan il-poplu għadu jagħraf dak li huwa sewwa. Anzi, huwa mixtieq ħafna għalih. Irid, però, dejjem iktar gwida li tfiehmu f’termini u fil-lingwa tal-lum. Dik li hija sempliċi, dik umli, dik li tfissirlu aħjar is-sens u s-sustanza tal-ħajja. Dik li minnha nifhmu kemm il-Kurċifiss huwa importanti. Kemm fil-fatt għadu ħaj.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tat-Tlieta 8 ta’ April, 2025.