Il-pajjiżi tal-Ewropa u oħrajn madwar id-dinja qed jippreparaw għall-impatt ‘assolut’ tat-tariffi li qed jintroduċi l-President Amerikan Donald Trump…Tariffi li mistennija jwasslu għal riċessjoni globali jekk kemm-il darba Washington ma jibdilx id-direzzjoni li l-esperti qed ifissruha bħala ‘kaotika’ minbarra li ‘evalwata minn lenti żbaljata.’
Is-swieq finanzjarji qed iħossu sew l-effetti ta’ din is-sitwazzjoni imprevedibbli għalkemm is-swieq tal-Ewropa dehru jistabbilizzaw xi ftit wara jiem konsekuttivi ta’ telf b’kaġun tat-tsunami tat-tariffi li qed isiru effettivi permezz tal-executive orders mill-White House.
Ir-Renju Unit, il-Ġermanja, Franza u pajjiżi oħra sadanittant jinsabu fil-kuntatti ma’ Washington huma u jindirizzaw l-allegat ‘surplus’ fil-kummerċ ta’ pajjiżhom mal-Istati Uniti u, fi kliem Trump, qed iħalli pajjiżu ‘fi żvantaġġ u anki skapriċċat minn xi Stati partikulari’.
Dan meta t-tariffi globali għandhom iħallu implikazzjonijiet enormi għall-ekonomija tad-dinja, f’sitwazzjoni li għandha anki tissarraf fit-telf tal-mijiet tal-eluf tal-impjiegi u l-falliment totali ta’ ħafna intrapriżi u stabbilimenti.
Iżda waqt li l-Gvernijiet tal-Punent qed jevalwaw l-istrateġiji li ‘jistgħu jogħġbu lil Trump’, iċ-Ċina qed tagħmilha ċara li mhix se ċċedi għat-theddid u hekk-imsejjaħ ‘bullying’ min-naħa ta’ Washington.
It-Tmexxija f’Beijing qalet ukoll li ‘lesta biex tiġġieled sal-aħħar’ wara li l-President Amerikan hedded li jimponi tariffa addizzjonali ta’ 50 fil-mija fuq iċ-Ċina jekk il-Gvern Ċiniż ma jirtirax il-levies ta’ ritalazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti.
Is-sitwazzjoni, kif inhi, kapaċi twassal biex xi kumpanniji Ċiniżi li jesportaw ċerti prodotti lill-Istati Uniti jiffaċċjaw taxxa inkredibbli ta’ 104 fil-mija – b’Donald Trump qed jidher partikularment urtat b’din il-linja ta’ reżistenza min-naħa ta’ Beijing.
U filwaqt li Trump mhux juri sinjali li lest inaqqas xi ftit mill-politika aggressiva tat-tariffi, il-gwerra kummerċjali bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina – bħala l-akbar żewġ ekonomiji tad-dinja – mistennija li tiħrax fil-jiem li ġejjin.
Skont it-theddid ta’ Trump, id-dinja għandha tistenna eskalazzjoni fil-kriżi fost il-konsegwenzi – jew hekk-imsejjaħ ‘ripple effect’ – għall-akbar swieq fid-dinja u b’detriment kbir għall-konsumatur.
L-Istati Uniti timporta kwantità enormi ta’ smartphones, kompjuters, batteriji tal-lithium-ion, ġugarelli u consoles għal-logħob bil-video mingħand iċ-Ċina u t-tariffi l-ġodda għandhom jaffettwaw ħafna oġġetti oħrajn – mill-iskorfini sal-boilers.
F’dawn iċ-ċirkustanzi tibqa’ anki l-mistoqsija dwar ‘min se jċedi l-ewwel’ bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina, meta Trump qed jhedded biex idaħħal it-tariffi addizzjonali għal Beijing minn għada, l-Erbgħa.
Sadanittant, l-esperti jemmnu li ċ-Ċina għandha żżomm sod xorta waħda, fost il-kummenti li wieħed jiżbalja jekk jemmen li Beijing għandu ‘jibla klimeu’ u jneħħi t-tariffi għall-prodotti mill-Istati Uniti b’mod unilaterali.
Uħud qalu li f’sitwazzjoni fejn iċ-Ċina ċċedi għad-domandi ta’ Trump, mhux talli Beijing ikun qed jidher bħala dgħajjef u vulnerabbli iżda għandha tinqala wkoll sitwazzjoni fejn l-Istati Uniti tibda tħoss li tista’ titlob dejjem aktar konċessjonijiet mingħand dan il-pajjiż u oħrajn.
Għaldaqstant, mistenni li l-kriżi ekonomika tidħol f’fażi ta’ staġnar li ssarraf f’uġigħ kbir għall-biljuni tan-nies minn aspett ekonomiku għat-tul taż-żmien.
//= $special ?>