Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, għall-ewwel darba, sostna pubblikament li t-truppi ta’ pajjiżu qed ikunu attivi ħafna fir-reġjun Russu ta’ Belgorod li tmiss mal-fruntiera Ukrena…Sitwazzjoni li l-kelliema fil-Kremlin fl-ebda ħin ma rreferew għaliha – wisq anqas provdew dettalji.
Zelensky qal li l-Armata tiegħu, fl-aħħar sigħat, kienet qed tkompli bl-azzjonijiet qalb iz-zoni ta’ Belgorod u meta t-truppi anki qegħdin jinfiltraw ‘aktar artijiet tal-għadu (fir-Russja)’ bħala parti minn strateġija ‘prattika u xierqa’.
Il-Mexxej Ukren qal li r-Russja għandha tistenna minn dawn l-azzjonijiet f’sitwazzjoni fejn hi wkoll qed idduq l-effetti ta’ gwerra li bdiet hi stess mingħajr l-ebda provokazzjoni.
Intant, it-truppi Ukreni fir-Russja anki għadhom jikkontrollaw ftit inħawi fir-reġjun ta’ Kursk wara l-offensiva kbira tas-sajf li għadda fl-inħawi. Iżda hu wkoll minnu li l-qawwiet ta’ Moska, minn dak iż-żmien, irnexxielhom jieħdu lura ħafna mit-territorju li kienu tilfu lill-Ukreni.
Il-President Zelensky qal, issa, li l-azzjonijiet militari fir-Russja qed isiru bħala protezzjoni għar-reġjuni Ukreni ta’ Sumy u Kharkiv li jinsabu viċin ħafna tal-fruntiera. Skop ieħor tal-azzjonijiet hu biex tonqos il-pressjoni fuq bnadi oħrajn li jiffurmaw parti mill-front tal-gwerra u fejn jinkwadra, b’mod partikulari, ir-reġjun ta’ Donetsk, lejn il-lvant tal-Ukrajna.
Il-militar Russu, ix-xahar li għadda, irrapporta dwar l-azzjonijiet tal-Ukreni ‘viċin ir-reġjun ta’ Belgorod’ iżda kien qal ukoll li s-suldati tal-Kremlin irnexxielhom iġibu fix-xejn l-attentati tal-Ukreni biex jaqsmu lejn l-artijiet tar-Russja’.
Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ilha għaddejja minn Frar tal-2022 u l-Kremlin, fil-preżent, qed jiċħad l-allegazzjonijiet tal-Istati Uniti u l-Ewropa li Vladimir Putin qed iżomm lura apposta l-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li qablu dwaru l-Ukrajna u daqstant ieħor l-Amerikani, bħala l-medjaturi prinċipali fil-konflitt.
//= $special ?>