Lokali

“Bżonn tas-soċjetà li turi l-kompassjoni”

Il-miscarriage leave hija materja li għandha tiġi indirizzata f’għaqda nazzjonali. Dan sabiex jingħata s-sostenn meħtieġ kemm għan-nisa kif ukoll għal partners tagħhom li jkunu għaddew minn trawma simili.

Waqt konferenza organizzata l-Erbgħa filgħodu u li għaliha kienu mistiedna wkoll ix-Shadow Ministers Ivan Castillo u Graziella Attard Previ flimkien ukoll ma’ rappreżentanti ta’ Unions u Assoċjazzjonijiet fil-qasam tax-xogħol, intqal kif il-każijiet ta’ miscarriages f’Malta huma f’medja ta’ 1,000 fis-sena.

Fl-aħħar jiem il-Partit Nazzjonalista laqa’ b’sodisfazzjon il-pass minn naħa tal-Gvern Laburista li qed jipproponi li jintroduċi leave ta’ din ix-xorta. Dan hekk kif kien proprju l-Partit Nazzjonalista li lura fl-2021 kien ippropona dan il-leave, mhux biss għal miscarriage iżda saħansitra għat-telfa ta’ wildt sa 18-il sena.

Fost dawk li indirizzaw din il-konferenza kien hemm Yazmin Farrugia Helledie flimkien ukoll ma’ Melanie Kelly, li b’kuraġġ kbir qasmu l-istorja personali tagħhom ma’ dawk preżenti – fejn fissru l-weġgħat kemm fiżiċi kif ukoll emozzjonali li huma flimkien mal-partners tagħhom għaddew wara tali esperjenza.

Tkellmet ukoll il-President tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa, Rebecca Wellman, li elenkat numru ta’ domandi u punti validi li wieħed irid jixtarr sabiex din il-policy tiġi implimentata.

Mistoqsijiet rigward il-leave, il-kunfidenzjalità, min jista’ japplika, x’se jkun qed isir kontra d-diskriminazzjoni, is-sostenn, il-leave għal partners u r-rintegrazzjoni.

Dwar dawn il-punti, Net News staqsa lis-Segretarju Parlamentari Andy Ellul.

F’din il-fażi tal-konsultazzjoni, jirriżulta li l-Gvern għadu jrid ifassal timeframe u data stipulata sa meta għandu f’moħħu li jdaħħal dan il-leave.