Neville Gafà meqjus bħala persuna qrib ħafna tal-Partit Laburista kif ukoll eks uffiċjal fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Kastilja, xeħet dubji serji dwar l-imġiba u l-etika tal-Ministru Roderick Galdes.
Fuq il-blogg online ta’ Gafà nnifsu infatti ntqal kif fi ħdan il-Partit Laburista hemm qasma evidenti, tant li l-istess Ministru qed ixerred il-kelma sabiex in-nies tas-Sitt Distrett jivvotaw in-numru wieħed lilu… u jħallu barra lill-bqija tal-kandidati – inkluż dawk tal-Labour.
Neville Gafà qiegħed jisħaq li dwar dan kollu saħansitra għandu voice notes li jixhdu dan, messaġġi li madanakollu s’issa għadu ma ppubblikax.
Tajjeb wieħed jinnota li fuq dan id-distrett fost oħrajn joħorġu kemm Ian Borg, Deputat Prim Ministru u wieħed mill-favoriti qalb il-faxxa fanatika Laburista biex jieħu post Robert Abela.
Iżda qalb l-estrema tal-Labour tirrenja reġina l-Eks Segretarju Parlamentari u issa backbencher – Rosianne Cutajar. Sorsi li tkellmu ma’ Net News saħqu li ċertament, wara li daħlet lura fil-Partit Laburista kontra l-volontà tal-Mexxej Robert Abela, issa trid akkost ta’ kollox terġa’ tagħmel parti mill-Kabinett tal-Ministri.
Għaldaqstant dan id-distrett se jkun wieħed missielet sewwa għal Labour, distrett fejn wieħed ikun qed jistenna l-ismijiet tal-Ministru Silvio Schembri u saħansitra lil Prim Ministru Robert Abela – għalkemm dan tal-aħħar minkejja li huwa minn Ħal Qormi fl-aħħar elezzjoni ħareġ fuq distretti oħrajn.
Iżda l-attakki ta’ Neville Gafà fil-konfront ta’ Roderick Galdes ma waqfux hawnhekk – dan hekk kif l-eks uffiċjal fl-OPM qiegħed jallega u jistaqsi lil Galdes jekk għamilx ċertifikati mediċi biex ma jattendix għal seduti parlamentari… u minflok imur iqatta’ tlett ijiem fi Sqallija fi proprjetà tiegħu – ċioè jiskarta b’ċertifikati mediċi fażulli.
//= $special ?>