Internazzjonali

Gaza: Il-kriżi umanitarja mill-ġdid qed tallarma lill-aġenziji tan-NU

Il-Palestinjani fil-Medda ta’ Gaza qed jiffaċċjaw kriżi oħra umanitarja bħala parti mill-kalvarju bla tmiem li qegħdin jgħixu minnu.

Dan meta l-kapijiet ta’ diversi aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti appellaw lill-Mexxejja tad-dinja biex jikkoordinaw flimkien u b’urġenza, bil-ħsieb li l-kunsinni tal-ikel u affarijiet bażiċi oħra jaslu lil dawn il-Palestinjani….Sitwazzjoni li ggravat minħabba li Iżrael ilu l-ġimgħat jostakola u jwaqqaf it-trasport ta’ din l-għajnuna lejn Gaza.

L-aġenziji tan-NU, issa, ħarġu stqarrija konġunta fis-sens li l-Palestinjani f’Gaza mill-ġdid spiċċaw ‘iżolati u mira għall-bumbardamenti ġodda anki waqt li qed ibatu minn ġuh terribbli’.

Iċ-ċirkustanzi anki gravaw fi żmien meta l-kunsinni tal-għajnuna jinsabu ‘weqfin u stivati’ viċin iz-zoni ta’ aċċess lejn l-artijiet ta’ Gaza.

L-Iżraeljani ilhom jimblukkaw il-provvisti – inkluż l-għajnuna umanitarja – lejn Gaza mit-2 ta’ Marzu u wara li skada l-ewwel stadju tal-ftehim għall-waqfien mill-ġlied li huma kienu laħqu, ġimgħat ilu, mat-terroristi tal-grupp Ħamas.

U l-aġir attwali tal-Iżraeljani hu parti minn kampanja ta’ pressjoni biex il-Ħamas jaqblu dwar estensjoni tal-ftehim fil-forma oriġinali – bit-terroristi qed jirrifjutaw, fost l-akkużi li Iżrael ma żammx kelmtu magħhom skont il-patt.

L-Iżraeljani, fil-preżent, qed jinsistu li hemm biżżejjed ikel biex in-nies ta’ Gaza jmantnu lilhom infushom għat-tul taż-żmien, iżda l-aġenziji tan-NU qegħdin jikkuntestaw dawn it-tipi ta’ stqarrijiet li, fi kliemhom, ‘ma jirriflettux ir-realtà mal-art’.

L-istqarrija mill-aġenziji qalet li l-waqfien mill-ġlied (aktar kmieni fis-sena) ippermetta biex huma, f’sittin jum, iwettqu operat ta’ fejda li ma rnexxilhomx jagħmlu tul 470 jum konsekuttivi ta’ konflitt f’Gaza….Dan waqt li l-provvisti bdew jaslu lill-familji f’kull zona ta’ Gaza u li kienu waslu litteralment f’xifer il-mewt.

Iżda minkejja dan, wieħed jiżbalja jekk jaħseb li hemm tassew biżżejjed ikel għall-Palestinjani f’Gaza, bir-realtajiet ġodda qed jindikaw li s-sitwazzjoni għall-eluf tal-familja saret mill-ġdid iddisprata.