Lokali

Goalkeeper Battle 2025 – B’risq Caritas Malta

Mario Muscat u Simon Grech, żewġ personalitajiet magħrufa sew fil-qasam tal-football, nedew l-14-il edizzjoni ta’ Goalkeeper Battle 2025, din id-darba b’risq Caritas Malta.

Ilbieraħ, fil-Caritas Community Centre il-Ħamrun, Mario u Simon tkellmu mal-media u spjegaw dwar din l-attività li issa daħlet fl-14-il edizzjoni tagħha, attività li hi mmirata biex tattira dawk il-goalkeepers, kemm fuq bażi personali kif ukoll permezz tal-club rispettiv tagħhom.

“Din l-attività din is-sena se ssir fil-Mosta Grounds magħruf bħala Charles Abela stadium, fil-31 ta’ Mejju. Goalkeeper Battle 2025 hija attività fejn tagħti ċans lil dawk il-goalkeepers lokali kif ukoll internazzjonali jilagħbu kontra xulxin permezz ta’ żewġ lasti u r-rebbieħ ikun dak li jirnexxielu jiskorja l-iktar goals. Wieħed jista’ jirreġistra permezz tal-club li jilgħab miegħu jew inkella b’mod personali billi jimla applikazzjoni,” spjega Mario Muscat fejn għal dawn l-aħħar snin din l-attività ġibdet numru sabiħ ta’ parteċipanti kemm lokali kif ukoll internazzjonali.

Simon Grech kompla jgħid li kull min japplika jingħata gear komplut bl-ingwanti bħala tifkira ta’ din l-attività kif ukoll midalja kommemorattiva. “Għal din is-sena għażilna Caritas Malta biex tirċievi donazzjonijiet minn Goalkeeper Battle 2025. Nemmnu li Caritas tagħmel ħafna ġid fis-soċjetà tagħna u aħna qed nirrikonoxxu u ngħinu f’dan il-ġid li qed twettaq,” temm jgħid Simon Grech li anki rringrazzja lill-isponsors kollha li jagħmlu din l-attività possibbli.

Anthony Gatt, Direttur Caritas Malta, irringrazzja lil Mario Muscat u lil Simon Grech li ressqu din it-3rd party event lejn Caritas fejn mid-donazzjonijiet li se jinġabru l-organizzazzjoni tkun tista’ tkompli ssaħħaħ is-servizzi tagħha anki fil-‘battalja’ kontra l-abbuż tad-droga. “Minbarra li grati li din l-attività se tiġbor fondi għalina, Caritas Malta qed tagħmel enfasi fuq attivitajiet sportivi li jżommu lill-persuni ’l bogħod mid-droga. B’dan il-mod qed ninkorraġġixxu li ħafna iktar jagħrfu dak in-natural high li toffri attività bħal din.” Spjega Gatt filwaqt li ħeġġeġ lil dawk kollha interessati f’din id-dixxiplina biex jipparteċipaw u fl-istess ħin jieħdu gost f’attività oħra b’risq Caritas Malta.