Lokali Qorti

Ħanut tad-deheb irid iħallas €1,762 wara li ċurkett insteraq mill-vetrina

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lil sid ħanut tad-deheb fil-Belt Valletta biex jagħti s-somma ta’ €1,762 lil tabib li kellu ċurkett tan-nisa misruq mill-vetrina. It-Tabib Charles Delicata u martu Adelaide fetħu l-każ kontra Alfred Borg wara li ċ-ċurkett li kien proprjeta tal-koppja nsteraq mill-ħanut li kellu jbigħulu.

L-Imħallef Giovanni Grixti sema’ lid-derubat jgħid kif fl-4 ta’ Awwissu 2011 iddepożita ma’ sid il-ħanut iċ-ċurkett biex ibigħulu u skont hu dan kien ċurkett bi brillant ta’ 4.05 karat li jiswa €37,969 imma talab lil sid il-ħanut €28,000 għalih.

Bejn is-6 u t-8 ta’ Awwissu 2011 saret serqa mill-ħanut fejn fost l-oġġetti misruqa kien hemm iċ-ċurkett. Dr. Delicata sostna li Borg kellu jżomm iċ-ċurkett fil-kaxxaforti imma ħallih fil-vetrina u kien għalhekk li żammu responsabbli tas-serqa.

Borg wieġeb li ċ-ċurkett ingħatalu biex ibigħu u żied li l-valur taċ-ċurkett kien ferm inqas minn €28,000 kif ingħad li jiswa’. Wara li sema’ l-provi l-Imħallef Grixti qal li ma jaqbilx ma’ Borg li mhux responsabbli u sostna li għalkemm sid il-ħanut tad-deheb ma kienx involut fis-serqa, speċjalment meta għażel li ma jżomm safe fil-ħanut.

Żied li ħalla deheb fil-vetrina u fis-sajf meta z-zona kienet parti minn sit ta’ kostruzzjoni għax kien qed isir il-proġett tar-rinovazzjoni tat-Teatru Rjal. Dan waqt li l-flus sakkarhom f’post aktar sikur fil-ħanut. L-Imħallef Grixti semma wkoll li sid il-ħanut lanqas għadda lill-Pulizija informazzjoni li waslitlu ftit jiem wara s-serqa dwar il-ħalliel bl-iskuża li dan it-tagħrif wasallu bil-kundizzjoni li ma jiżvelahx.

Meta ġie biex jaħdem l-ammont tal-valur, l-Imħallef Grixti qies li l-persuna li qabbad it-Tabib Delicata biex tagħmel stima tal-valur ikkonkludiet li dan kellu valur ta’ Lm16,300 fil-vetrina li jrid jonqos b’40% biex iġib il-prezz li klijent iħallas għalih.

Żied li Borg kien immarkah għall-bejgħ għal €36,000 li bi tnaqqis ta’ 40% jonqos għal €21,600 u waqt li qal li jikkunsidra l-valur korrett bħala €22,190 irrimarka kif it-Tabib u martu diġà rċevew €15,140 u għalhekk kien jonqos €1,762 x’jitħallas. Għaldaqstant l-Imħallef Grixti ordna lil Borg biex iħallas lil Dr. Delicata u lil martu l-ammont li stabbilixxiet il-Qorti.