Internazzjonali

Il-Ġermanja: Ftehim dwar il-Gvern wara ġimgħat ta’ limbu politiku — b’Merz mistenni jkun ikkonfermat bħala Kanċillier

Iċ-Chairman tas-CDU Friedrich Merz (fin-nofs) jirċievi l-applaws waqt laqgħa tal-grupp parlamentari fil-Bundestag, f’Berlin, ilbieraħ. (Ritratt: EPA)

Il-Konservattivi ta’ Friedrich Merz u s-Soċjal Demokratiċi (SPD), fl-aħħar sigħat, laħqu ftehim biex jiggvernaw lill-Ġermanja….Żvilupp importanti għat-tmexxija tal-akbar ekonomija tal-Ewropa u li kien ikkonfermat proprju ħames xhur wara l-kroll tal-Gvern immexxi mill-Kanċillier preċedenti Olaf Scholz.

Merz, li kiseb l-akbar suċċess fl-elezzjonijiet bikrija li saru fil-Ġermanja ftit tal-ġimgħat ilu, qal li dan il-ftehim qed iwassal sinjal qawwi u ċar li l-Ġermanja se jkollha Gvern b’saħħtu li mgħandux iżomm lura mill-azzjonijiet f’waqthom u importanti għall-pajjiż kif ukoll għall-Ewropa.

Kemm il-Partit CDU ta’ Merz, kif ukoll is-Soċjal Demokratiċi kienu taħt pressjoni intensiva biex jikkonkludu l-ġimgħat ta’ limbu politiku mindu l-Konservattivi ta’ Merz kienu rebħu l-elezzjonijiet federali ta’ Frar.

Il-Ġermanja hi fost l-ekonomiji tal-Ewropa li qed iġarrbu l-impatt tat-tariffi storiċi u aggressivi tal-Istati Uniti iżda minkejja dan, l-aħħar stħarriġ fost il-Ġermaniżi qed jindika li l-Partit Alternativ fur Deutschland (AfD)  magħmul mill-estremisti tal-lemin, issa, sar jerġa’ aktar popolari mill-konservattivi tas-CDU – almenu għalissa.

Intant, Friedrich Merz, li għandu 69 sena, jista’ ikollu jistenna sax-xahar id-dieħel sakemm il-Parlament f’Berlin jeleġġih Kanċillier tal-Ġermanja. Madankollu, din mhix se tkun problema peress li Merz qed igawdi minn maġġoranza ta’ 13-il siġġu fil-Bundestag.

Meta ħabbar il-ftehim għall-koalizzjoni, Merz qal li l-partiti inkwistjoni kienu stinkaw kemm felħu lejn it-tragward u li s-CDU u l-SPD, se jkunu qed jaħdmu fuq strateġija soda li tistabbilixxi lill-Ġermanja bħala protagonista fl-Ewropa kif ukoll fix-xena internazjonali.

Merz wiegħed li l-Gvern immexxi minnu se jistabbilizza lill-Ġermanja mill-ġdid u b’mod li jħares ukoll l-obbligi tal-pajjiż fir-rigward tal-kontinent Ewropew.

Ir-riforma riċenti fil-liġijiet tal-Ġermanja tfisser ukoll li l-Gvern ġdid f’Berlin se jkun jista’ jinvesti ħafna aktar fondi minn qatt qabel fil-militar u l-infrastruttura tal-pajjiż…Il-koalizzjoni, intant, se tkun anki obbligata biex timplimenta l-miżuri li jikkontrollaw l-immigrazzjoni irregolari bħala issue li qed tinkwieta ħafna lill-elettorat.

Fl-istess ħin, Friedrich Merz hu fiduċjuż li s-CDU u l-SPD se jkunu jistgħu jibdew jimplimentaw l-aġenda ġdida tal-Gvern sa mill-ewwel jiem ta’ Mejju.