Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’viżjoni li tħares fit-tul u li minnha jgawdu diversi setturi tal-ekonomija, inkluż it-turiżmu

Il-Gvern Laburista qed jibqa’ ċass ukoll quddiem it-tariffi li daħħal il-Gvern Amerikan, b’Robert Abela kompletament assenti quddiem din il-kriżi.

Quddiem Gvern immexxi minn Robert Abela li moħħu biss fil-clichés, il-buzzwords u l-presentations, il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni li tħares fit-tul u li minnha jgawdu diversi setturi tal-ekonomija Maltija, inkluż l-industrija tat-turiżmu.

Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara fil-lukanda Excelsior bħala parti mill-attivitajiet tal-Partit Nazzjonalista għal Jum il-Ħaddiem 2025. Il-Kap tal-PN għamel referenza għall-fatt li l-Gvern ta’ Robert Abela qed jibqa’ ċass ukoll quddiem il-mod kif għandu jindirizza l-kriżi tat-tariffi l-ġodda li daħħal il-Gvern Amerikan u kif dawn se jolqtu lil pajjiżna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li dawn it-tariffi se jolqtu direttament numru ta’ industriji u l-ħaddiema tagħhom, fosthom dawk fis-settur turistiku. Iżda Robert Abela hu kompletament assenti dwar din il-kwistjoni u għadu ma serraħx moħħ il-ħaddiema Maltin u Għawdxin dwar x’se jkun qed jagħmel biex l-effett tat-tariffi ma jkunx qed jgħolli l-prezzijiet f’pajjiżna. Robert Abela qed imexxi Gvern li mhu qed jagħti l-ebda direzzjoni politika u allura, mhu jagħti l-ebda serħan il-moħħ lill-ħaddiema. Gvern bla pjan u bla idea ta’ kif jista’ jserraħ moħħ min irid jinvesti f’pajjiżna.

Dwar is-settur turistiku, Bernard Grech qal li għall-Partit Nazzjonalista, dan hu settur importanti ħafna u Gvern ġdid immexxi minnu jara li jsir l-investiment meħtieġ biex ikompli jikber.  Dan filwaqt li faħħar l-investimenti kbar li jagħmlu l-operaturi biex ikomplu jtejbu s-servizz li jagħtu. Fuq kollox, hu importanti l-investiment fil-ħaddiema tas-settur, li huma l-qafas tal-akbar settur ekonomiku li għandu pajjiżna.

Bernard Grech tenna li l-Gvern ta’ Robert Abela m’għandux ir-rieda politika li jmexxi u għalhekk, hu biss Gvern ġdid Nazzjonalista li jista’ jieħu d-deċiżjonijiet ċari u meħtieġa.

Matul iż-żjara, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ltaqa’ mal-management u l-istaff tal-Excelsior u mal-ħaddiema tal-lukanda li timpjega mal-400 ħaddiem bejn staff full-time u part-time. Hu ddawwar mad-diversi partijiet tal-lukanda mill-General Manager Norbert Grixti. Fost is-suġġetti li ġew diskussi kien hemm il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja fil-familja, l-istat attwali tas-settur tal-ospitalità, it-turiżmu minn u lejn Malta, u l-isfidi li jiffaċċjaw lukandi bħall-Excelsior. Din il-lukanda fetħet fl-2007 u llum hija waħda mill-aqwa lukandi ta’ ħames stilel li għandu pajjiżna. Matul is-snin is-sidien tal-kumpanija komplew jinvestu biex itejbu l-prodott li joffru.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech kien akkumpanjat mix-Shadow Minister għat-Turiżmu Mario de Marco, mix-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia u mix-Shadow Minister għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura Julie Zahra.