Il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji (SMEs) laqgħet b’sodisfazzjon il-Viżjoni Malta 2050, li għandha l-għan li tifforma futur aktar sostenibbli għall-pajjiż. Il-Kamra ilha tinsisti dwar il-ħtieġa ta’ direzzjoni, u saħqet li din il-viżjoni għandha tkun mibnija bil-parteċipazzjoni attiva tal-intrapriżi żgħar u medji.
Bħala l-mutur ewlieni tal-ekonomija Maltija, li jammontaw għal aktar minn 99% tal-intrapriżi u joffru impjiegi lil eluf ta’ nies, l-SMEs għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-viżjoni. Il-Kamra insistiet li l-bżonnijiet u l-kontribut tagħhom għandhom jiġu rikonoxxuti u prijoritizzati.
L-SMEs għandhom ukoll sehem kruċjali f’oqsma bħall-innovazzjoni, il-prattiċi sostenibbli u ż-żieda fil-ħiliet – setturi li jikkostitwixxu pedamenti essenzjali tal-Viżjoni Malta 2050. Il-Kamra temmen li biex din l-inizjattiva tkun ta’ suċċess, għandha tkun immexxija minn esperti u teknokrati u b’kollaborazzjoni ma’ kull min għandu sehem fl-industrija.
//= $special ?>