Lokali

Kunsillier Laburista furjuż waqt il-kommossjoni fiċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Mqabba FC

Filmati li iċċirkolaw fil-midja soċjali wrew lill-kunsillier Laburista tal-Imqabba Patrick Ghigo preżenti waqt il-kommossjoni li nqalgħet waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tim ta’ Mqabba FC fil-weekened li għadda. Patrick Ghigo ma deherx li qed jipprova jikkalma s-sitwazzjoni waqt dan l-inċident anzi deher li kien ferm furjuż, nervuż u rrabjat.

Raġel ta’ 47 sena, li jiġi ħu l-kunsillier Patrcik Ghigo, tressaq il-Qorti t-Tnejn u wieġeb mhux ħati li aggredixxa u weġġa’ ħafif surġent u kuntistabbli tal-pulizija waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-promozzjoni tal-futbol is-Sibt li għadda.

Jerry Ghigo li joqgħod l-Imqabba kien tressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Charmaine Grima, u ġie mixli li insulenta u hedded lill-uffiċjali tal-pulizija, li ma obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, li għamel ħsara f’mutur tal-pulizija, fl-uniformi tar-raġel tal-pulizija u li kien fis-sakra fil-pubbliku.

L-Ispettur Andrew Agius Bonello, li qed imexxi l-prosekuzzjoni, qal lill-Qorti li s-Surġent tal-Pulizija Luke Grima kien qed isuq lejn Ta’ Kandja, u innota trakk li kien għaddej mill-inħawi Ta’ Kandja. Iċ-ċelebrazzjonijiet kienu qed isiru wara li Mqabba FC kisbu promozzjoni għan-National Amateur League 1.

L-uffiċjal waqqaf it-trakk, u ftit wara nqala’ argument bejn dawk li kienu qed jiċċelebraw, u l-uffiċjal. Il-Qorti semgħet li l-uffiċjal ukoll talab l-għajnuna. L-ispettur xehed li s-sitwazzjoni ġiet ikkalmata, qabel ma reġa’ qabad l-argument. Fil-filmati l-Kunsillier Laburista ma tantx deher viżwalment qed jipprova jikkalma s-sitwazzjoni.

L-Ispettur qal fil-Qorti li s-surġent tal-pulizija ra lill-akkużat, Jerry Ghigo, iħabbat mal-art il-vettura tal-uffiċjal. Waqt li kien qed jirrappreżenta lill-akkużat, l-avukat Franco Debono qal lill-Qorti li l-filmati juru lill-uffiċjal tal-pulizija “jkaxkar” lir-raġel mal-art waqt li kien għadu liebes il-crash helmet tiegħu.

L-avukat difensur qal li s-surġent qabad lir-raġel u kaxkru mal-art, bit-tnejn eventwalment jaqgħu. Mill-filmati jidher ċar li Patrick Ghigo kien qed idur mal-Pulizija u jinstema’ jgħajjat. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat bil-qawwa kollha li l-akkużat jingħata l-libertà proviżorja, u qalet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, u mhux kull min kien involut fl-inċident kien ġie identifikat.

Il-Qorti iżda tat lir-raġel il-libertà proviżorja, stabbilita għal depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,000. Huwa kien ordnat jiffirma l-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa. L-akkużat ġie pprojbit milli jżur il-binja ta’ Mqabba FC u ma jistax jara lill-klabb jitħarreġ jew jilgħab.