Lokali

L-Assoċjazzjoni tal-Bankiera Maltin tfakkar il-Ġimgħa Ewropea tal-Flus u tingħaqad mal-Bank Ċentrali ta’ Malta għal avveniment pubbliku ewlieni

L‑Assoċjazzjoni tal‑Bankiera Maltin (MBA), bl‑appoġġ tal‑Bank Ċentrali ta’ Malta, fakkret il‑Ġimgħa Ewropea tal‑Flus (EMW) billi organizzat avveniment sabiex tippromwovi l‑litteriżmu finanzjarju. Din l-inizjattiva kienet tfisser li l-EMW li kienet tiffoka l-aktar fuq il-pubbliku inġenerali, u l-ġenerazzjoni żagħżugħa, tibda taqdi wkoll il-ħtiġijiet tal-litteriżmu finanzjarju tal-anzjani.

Bit-tema “Ħu ħsieb flusek”, l-avveniment enfasizza b’mod partikolari l-ħtiġijiet ta’ dawk li qed isibuha diffiċli jlaħħqu mat-teknoloġija fis-settur bankarju li qed jevolvi b’ritmu mgħaġġel, bħal fir-rigward tal pagamenti diġitali. Saret enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-parteċipanti dwar ir-riskji ta’ frodi u inganni, billi ġew mgħammra b’għodod essenzjali biex jissalvagwardjaw il-finanzi tagħhom.

L-avveniment beda b’diskors ta’ ftuħ mill-President tal-MBA, Kenneth Farrugia, li enfasizza l-irwol kritiku tal-litteriżmu finanzjarju fl-ambjent ekonomiku tal-lum li qed jinbidel malajr u tenna l-impenn tal-MBA li tiffaċilita aktar aċċessibilità u fehim kif jaħdmu s-servizzi finanzjarji diġitali.

Is-Sur Farrugia appella lill-parteċipanti sabiex iħaddnu l-bidla diġitali fil-banek u ħeġġiġhom japprezzaw il-faċilità li jwettqu tranżazzjonijiet online jew permezz ta’ servizzi bankarji bil-mobile, bħal kontijiet, trasferimenti, xiri ta’ oġġetti u servizzi. Filwaqt li enfasizza l-irwol attiv tal-MBA u tal-banek membri tagħha fl-edukazzjoni tal-klijenti tagħhom dwar ir-riskji ta’ prattiki qarrieqa u l-importanza tas-sigurtà fit-tranżazzjonijiet diġitali, Farrugia ħeġġeġ lil kulħadd biex jipparteċipa b’mod attiv f’dawn il-kampanji ta’ għarfien u biex japplikaw dan l-għarfien għas-salvagwardjar tal-attivitajiet finanzjarji tagħhom.

Uffiċjali mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta, Bank of Valletta, APS Bank, l‑Awtorità għas‑Servizzi Finanzjarji ta’ Malta, l‑Uffiċċju tal‑Arbitru għas‑Servizzi Finanzjarji, il‑Korp tal‑Pulizija ta’ Malta u ĠEMMA, l-unità fi ħdan il‑Ministeru għall‑Politika Soċjali u d‑Drittijiet tat‑Tfal fdata biex ittejjeb il‑kapaċità finanzjarja personali taċ‑ċittadini Maltin, ipparteċipaw ukoll f’dan l‑avveniment u offrew għarfien u pariri prattiċi dwar aspetti varji tas‑servizzi finanzjarji diġitali. Enfasizzaw kollettivament l-importanza tal-viġilanza kontra l-inganni.

Dan jista’ jsir billi l-parteċipanti jiġu mgħammra bi strateġiji essenzjali biex jiġu rikonoxxuti u miġġielda l-attivitajiet frawdulenti. Is-Segretarju Ġenerali tal-MBA, Karol Gabarretta, fil-kummenti tiegħu enfasizza li dan l-avveniment kien biss wieħed minn bosta organizzati mill-Assoċjazzjoni biex tiġi ċċelebrata lEMW. Enfasizza li l-EMW 2025 tnediet fis-17 ta’ Marzu fl-Iskola Primarja Achille Ferris tal-Imsida u din is-sena xterdet f’sensiela ta’ attivitajiet speċjali mmirati lejn l-istudenti, l-għalliema u professjonisti oħra, li kollha għandhom l-għan li jtejbu l-litteriżmu finanzjarju. Dawn l-attivitajiet ġew organizzati flimkien mal-Home Economics Seminar Centre (HESC) fi ħdan id-Direttorat għall-Programmi STEM u VET, il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni. Gabarretta rringrazzja lill-Bank Ċentrali għall-appoġġ tiegħu għal dan l-avveniment u lill-entitajiet kollha li kkontribwew għall-programm u stieden lill-Aġent Gvernatur tal-Bank Ċentrali, Alexander Demarco, sabiex formalment jikkonkludi l-avveniment.

L-Aġent Gvernatur fid‑diskors tal‑għeluq tiegħu enfasizza li l‑litteriżmu finanzjarju mhux biss huwa importanti għaċ‑ċittadini individwali, iżda wkoll minn perspettiva ekonomika nazzjonali. Irrefera għar-riżultati minn stħarriġ li sar mill-Istitut għar-Riċerka ta’ Breugel fl-2023 madwar l-UE kollha dwar il-litteriżmu finanzjarju, fejn għalkemm Malta marret aħjar minn ħafna mill-Istati

Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea, xorta kien hemm lok għal ħafna titjib. Laqa’ l-inizjattivi li saru minn diversi istituzzjonijiet f’Malta u ħeġġeġ l-inklużjoni tal-litteriżmu finanzjarju bħala parti mill-kurrikulu fl-iskejjel. L-Aġent Gvernatur irrimarka wkoll li kien hemm bżonn li titqajjem kuxjenza dwar l-istrumenti finanzjarji li jintużaw għal spiża kbira, bħal dik tax-xiri ta’ residenza jew it-twaqqif ta’ negozju, kif ukoll li titħeġġeġ kultura akbar ta’ tfaddil, b’mod partikolari għall-irtirar. L-EMW, li saret bejn is-17 u t-23 ta’ Marzu, hija inizjattiva mmexxija mill-Federazzjoni Bankarja Ewropea (EBF) u hija parti ewlenija minn sforz internazzjonali usa’ allinjat mal-Ġimgħa Globali tal-Flus tal-OECD. Iċċelebrata madwar l-Ewropa, l-EMW tiffoka fuq it-titjib tal-edukazzjoni finanzjarja u t-tqajjim tal-kuxjenza dwar il-maniġġ effettiv tal-flus u l-ħiliet dwar il-finanzi personali.