Il-mossa li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru jidher li ma tantx niżlet tajjeb mal-Għawdxin, li ta’ kuljum jgħixu realtà ferm differenti minn dik li pprova jibni Robert Abela bil-propaganda tiegħu.
Fil-fatt, bosta Għawdxin kienu ferm irrabjati meta raw lill-Prim Ministru jaqsam lejn Għawdex – mhux bin-Nikolaos, imma b’vapur ieħor tal-Gozo Channel. Wieħed mit-tlieta li kien bena Gvern Nazzjonalista.
In-Nikolaos huwa vapur second hand li suppost kellu jintuża għal żmien temporanju, u li issa ilu kważi ħames snin ibaħħar bejn Għawdex u Malta.
“Staħa jirfes fuq in-Nikolaos”, qalilna żagħżugħ Għawdxi li ta’ kuljum jaqsam bejn iż-żewġ gżejjer għall-Università. Dan filwaqt li mara mill-Qala qalet li anke l-istunt tal-linja kienet żejda. “Tela’ fuq ix-xarabank għar-ritratt biss! Ma jafx id-diffikultajiet li niffaċċjaw aħna l-Għawdxin”.
Apparti minn hekk, l-Għawdxin stess irrimarkaw kif ma teżisti ebda rotta tal-linja li twasslek mill-port tal-Imġarr lejn it-Tokk.
Robert Abela mar Għawdex biex iniedi s-suppost viżjoni għall-25 sena li ġejjin. Iżda dwar Għawdex ftit li xejn hemm ideat tanġibbli, bid-dokument isemmi biss sitt punti ġeneriċi li diġà qed jitwettqu jew ilhom konsolidati.
