L-Unjoni Ewropea konfermat li qed tħejji sensiela ta’ kontro-tariffi għall-Istati Uniti li jinkludu taxxa ta’ 25 fil-mija fuq prodotti bħall-muturi, l-orange juice u d-dgħajjes lussużi.
Dan ukoll fost l-inkwiet li t-tariffi storiċi min-naħa tal-Istati Uniti kapaċi jservu bħala ‘musmar fit-tebut’ tal-kumpanniji u intrapriżi żgħar mhux biss fl-Eweropa iżda madwar id-dinja.
Fl-istess ħin, l-ishma tal-produtturi tal-mediċina fil-Boroż tal-Ewropa wkoll ħadu daqqa ‘l isfel wara li Trump, fl-aħħar kummenti, tkellem dwar il-pjani għal ‘tariffa ewlenija’ għall-prodotti farmaċewtiċi kollha li timporta l-Istati Uniti.
Intant, is-27 Stati-membri tal-UE mistennija japprovaw lista kbira ta’ prodotti mill-Istati Uniti li, sa mill-ġimgħa d-dieħla, iridu jiffaċċjaw it-tariffi bi tweġiba għat-tariffi inizjali ta’ Trump għall-azzar u l-aluminju li pajjiżu qed jimporta mill-Ewropa.
It-tariffi mill-Ewropa mistennija jkunu imposti fi tlett stadji u wara li Donald Trump ċaħad ‘bla riservi’ it-talba ta’ Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, għal ftehim fuq bażi ta’ zero tariffi li suppost kellu jorbot lill-Unjoni u daqstant ieħor lil Washington.
L-ewwel fażi tat-tariffi mill-UE x’aktarx li tidħol fis-seħħ min-nhar it-Tlieta, bit-tieni fażi tal-proċess tkun applikata f’nofs-Mejju u bit-tielet tibda tiffunzjona mill-bidu ta’ Diċembru.
Dan wara li l-prodotti li l-Istati Uniti qed timporta mill-UE minn issa se jkunu suġġetti għal tariffa ta’ 20 fil-mija – u bil-Kummissjoni Ewropea x’aktarx li qed tħejji wkoll t-taxxi addizzjonali għal mal-lista oriġinali tat-tariffi ritaljatorji.
Fl-aħħar sigħat anki r-Russia – għal daqstant snin l-avversarju tal-Istati Uniti u li issa qed tikkoopera aktar mill-qrib mal-Gvern ta’ Trump — akkużat lill-Istati Uniti dwar abbuż sfaċċat tar-regoli għall-kummerċ internazzjonali.
Il-kelliema f’Moska kundannaw bla riservi t-tariffi storiċi ta’ Washington għaċ-Ċina, bil-Ministeru Russu għall-Affarijiet Barranin isostni li l-Istati Uniti ma tħosshiex obbligata li tirrispetta r-regoli li ilhom għexieren ta’ snin jiffurmaw il-pedament għall-kummerċ dinji…Dan ukoll meta r-Russja mhix qed tkun suġġetta għat-tariffi ġodda minn Washington — u fuq id-deċiżjoni personali ta’ Donald Trump.
//= $special ?>