Il-Qorti ċaħdet talba mill-prosekuzzjoni fil-kawża ta’ estradizzjoni ta’ Daniel Joe Meli, ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar, għal ħatra ta’ espert tekniku, biex jiftaħ il-‘pen drive’ mibgħuta mill-FBI, u dan minħabba li t-talba bħala prova mressqa hija “inamissibbli”.
Dan wara li x-xahar li għadda, il-prosekuzzjoni ddikjarat li ppreżentat provi ġodda fil-konfront ta’ Meli u ppreżentathom lill-Qorti, xi ħaġa li d-difiża oġġezzjonat. L-Avukat Daphne Baldacchino, f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, ippreżentat numru ta’ dokumentazzjoni inkluż pen drive mibgħuta mill-awtoritajiet Amerikani u qalet li fit-tali teknologija hemm ‘malware’.
Hija talbet lill-Qorti biex taħtar espert sabiex jiftaħ il-‘pen drive.’ Id-difiża oġġezzjonat u qalet li tali prova titneħħa mill-proċeduri, wara li argumentat li din tagħmel parti minn proċeduri quddiem il-Magistrat Lara Lanfranco u l-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, li taw l-ordni li kull prova miġbura minnhom ma tintużax bħala evidenza fil-proċeduri quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana.
Fir-risposta tagħha, id-difiża fakkret ukoll li l-esperti Dr Martin Bajada u Dr Keith Cutajar ġew ingaġġati mill-imsemmija Maġistrati biex jassistuhom fl-investigazzjonijiet rispettivi u ma tħallewx jixhdu f’dawn il-proċeduri meta mitluba kemm mill-prosekuzzjoni kif ukoll mid-difiża.
Il-Maġistrat Leonard Caruana, li quddiemu qed jinstema’ l-każ, ordna t-tneħħija tad-dokumentazzjoni kif ukoll tal-‘pen drive’ annessa magħha. Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, Daniel Meli ngħata l-ħesien mill-arrest wara sena arrestat b’rabta ma’ bejgħ ta’ malware illegali fuq id-dark web u servizzi ta’ mentoring fuq dak li jissejjaħ hack forum.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Mario Cushieri u l-Ispettur Robinson Mifsud. Meli qed jidher assistit mill-Avukati Arthur Azzopardi, Franco Debono u Marion Camilleri.
//= $special ?>