mid-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonnici
Shadow Minister għar-Riforma Kostituzzjonali u d-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem
1. Ifakkruna fi bnedmin li għexu qabilna u fi żmienna li ħallew impatt fuq ħajjitna u dik ta’ oħrajn bħalna. F’ħafna sens, aħna li għexna miegħu ma nistgħux nemmnu li m’għadux magħna, jew li m’għadniex inqumu jum wara jum nisimgħu b’ħidmietu.
Bniedem li għal diversi ma kienx b’xi mod magħruf. Imħajjar u mrobbi fil-valuri Nsara b’mod u manjiera li kull ma kien iwettaq kien ġej minn raġuni preċiża: skop li għalkemm f’dak il-mument seta’ jidher u anke jekk le, konna ċerti li kien jaf x’inhuwa jgħid. F’dan ħalla wirt uniku warajh li aħna fortunati li konna parti minnu.
L-Awtorità
2. Il-persuna li kiteb dwaru fit-tul huwa fil-fatt dak li kont qiegħed insegwi f’kitbiet oħra tiegħu, George Weigel (1951). Dak li, fil-bijografija bit-titolu Witness to Hope (1999) irnexxilu jispjega ħafna lill-bniedem. Ktieb voluminuż (’il fuq minn 886 paġna) li nittama li aktar ’il quddiem ikolli l-ħin li naqrah minn qoxra sa qoxra.
F’dan huwa jibda b’dawn il-kliem: “When Pope John Paul II died on April 2, 2005, the extraordinary global outpouring of affection and regards for this old and in recent years, increasingly crippled Polish priest and Bishop suggested that Karol Wojtyla had, in fact, influenced more lives in more diverse circumstances than any human being of his time.” (Meta l-Papa Ġwanni Pawlu II miet fit-2 ta’ April 2005, il-messaġġi straordinarji ta’ mħabba li ġew mid-dinja kollha għal dan is-saċerdot, Isqof Pollakk li maż-żmien ġie iktar imxekkel bil-mard, issuġġerew li Karol Wojtyla kien, fil-fatt, influwenza lil diversi bnedmin f’ċirkostanzi varji iktar minn kull persuna oħra li għexet fi żmienu.)
Personalii
3. Għaddew diġà għoxrin sena u aħna stess ma nistgħux nemmnu li dan fil-fatt seħħ. Għadda ż-żmien minn dak il-mument li diversi kienu fehmu li kien ser ifisser bidla fil-ħajja personali tagħna, kif ukoll f’dik tal-Knisja u s-soċjetà fuq dawn il-gżejjer.
Il-fatt li kien l-ewwel Papa li qatt ġie hawn kien ġieb rabtiet qawwija ma’ diversi li ħassew li mal-mewt tiegħu, parti minnhom kienet ġiet nieqsa. Kellu l-abbiltà li jfiehem, li jikteb tajjeb ħafna u li jersaq biex imiss direttament il-qlub tal-bnedmin. Kien kalamita umana partikolari.
Kull min rah quddiemu, jew f’xi ritratt mill-varji sbieħ li kellu, kien iħossu viċin ħafna tiegħu. Meta kien jiddikjara li billi Sidna Ġesù Kristu ma kienx niżel minn fuq il-Kurċifiss ħaj daqshekk ieħor hu, fil-mard m’għandux iċedi, kien hemm qbil ġenerali miegħu. Stima, u fl-istess ħin tama li dan il-bniedem ser jibqa’ jkun hemm. Gwida unika li ma kellniex sostitut għaliha.
Rajtu
4. Kont ukoll grat għax-xorti li kelli li niltaqa’ miegħu. Anke jekk kien ra diversi bnedmin, meta messejt miegħu ħassejt rabta li riedet tikber ferm iktar minn qabel. Kien il-Papa tagħna verament. Aktar u aktar meta ħafna bħali kienu jaqraw il-best sellers tiegħu. Ktieb wara ktieb li ma tkunx trid titlaq minn idejk u li jmexxuk ’il quddiem.
Għandi wħud li qrajt ħafna drabi, għax jibqgħu mimlija għerf. F’ħafna nammetti li l-bniedem sħiħ illum ikun hekk jekk ikun qara kitbietu. Li n-nuqqas tal-qari ta’ kitbietu huwa dgħjufija kulturali, soċjali, spiritwali u politika. Kien, u f’ħafna jibqa’ gwida qawwija għal dawk li, bħali, huma fil-politika. U jekk hemm min qiegħed jaqra u jixtieq ikun Demokratiku Kristjan sewwa, jagħmel aktar milli tajjeb li jibda triqtu b’kitbietu.
Sens komun
5. Kien il-persuna mimli b’talenti uniċi, tant li Weigel jiddeskrivih bħala: “… was a thoroughly, indeed radically, convinced Christian disciple. It was the passion of his discipleship that made him the most influential man of his time.”
Kien dak li nfluwenza sew fuq kull livell, u d-dinja nbidlet lejn is-sewwa. Bidla li seħħet proprju għax kien dak li kien kapaċi jagħti importanza lill-valuri Nsara. Ma jċedix fuqhom, taħt ebda ċirkostanza, anke jekk l-istess diplomazija Vatikana kienet tipprova tasal f’kompromessi, huwa ma kienx. Kien il-bniedem tas-sens komun, tar-raġuni, u fuq kollox xhud għall-verità.
Il-verità tibqa’, għal dawk li jridu jwettqu s-sewwa, id-dawl li jmexxina ’l quddiem. L-enċiklika tiegħu Fides et Ratio (1998) tibqa’ dawl li jiċċara ħidmet il-bniedem fis-soċjetà. Tiċċara aktar dik tan-Nisrani impenjat fil-politika. Għax jgħaddi kemm jgħaddi żmien, tibqa’ gwida unika.
Dik li tinfluwenza biex bnedmin jibqgħu ispirati jwettqu l-ġid u s-sewwa. Jibqgħu dawk li jiftakru li minkejja dak kollu li jgħaddu minnu, il-ferħ qiegħed fil-ħidma li jixhdu għall-verità. Jgħaddu kemm jgħaddu snin, nibqgħu nduru lura u nirringrazzjawh għal dak kollu li kien u dak li għadu għalina llum.
Grazzi Karol Wojtyla!
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 6 ta’ April, 2025.
//= $special ?>