Opinjoni

OPINJONI: Is-soċjetà tinfluwenzana

mid-Deputat Nazzjonalista Justin Schembri
Shadow Minister għall-Edukazzjoni u s-Snajja’

Is-soċjetà għandha l-qawwa li titkellem, u dejjem titkellem. Titkellem b’diversi modi dwar dak li trid u dwar dak li ma tridx. Għandha l-qawwa li twassal messaġġ u waħedha kapaċi tbiddel ir-riedni ta’ pajjiż, f’termini elettorali.

F’termini politiċi, mela, dan narawh spiss, speċjalment f’pajjiż bħal tagħna li fih isiru elezzjonijiet demokratiċi. In-nies taf tagħżel, u dejjem se tagħżel skont kif taħseb li hu l-aħjar.

F’dan il-kuntest għalhekk, il-partiti politiċi għandhom biss l-obbligu li jressqu ’l quddiem l-ideat tagħhom lin-nies, u jħalluhom jagħżlu. Ikun inutli li nippruvaw nikkonvinċu lil min ma jridx jikkonvinċi ruħu, għax in-nies taf tiddeċiedi, u anke jekk ma kinetx taf, finalment tiddeċiedi hi. Ebda għażla ma hi tajba, jew ħażina, imma hija l-għażla sovrana. Dan rajnieh matul dawn l-aħħar snin f’xenarju politiku lokali li minkejja kollox, in-nies baqgħet tagħżel lill-Partit Laburista. Dawn huma fatti u jkun inutli li nippruvaw ninnegawhom.

Il-messaġġi tan-nies liż-żewġ partiti politiċi

Mhix l-intenzjoni tiegħi li nidħol fil-mertu tar-raġunijiet wara l-għażliet, però li hu żgur hu li n-nies, saħansitra fl-aħħar elezzjoni ġenerali, bagħtet diversi messaġġi liż-żewġ partiti politiċi. Sforz ir-ras iebsa, in-nuqqas ta’ rieda, jew in-nuqqas ta’ qawwa interna, dawn il-messaġġi mhux neċessarjament ġew milqugħa. U dan ngħidu għaż-żewġ partiti.

Li hu żgur hu, intenni, li l-poplu sovran, u l-poplu jtellgħek u l-poplu jniżżlek. Dan irrid ngħidu mhux f’livell ta’ partiti – Gvern u Oppożizzjoni – imma f’livell individwali wkoll. Id-differenza bejn dawk il-kandidati li jġibu l-eluf ta’ voti u dawk li jġibu ftit, titkellem waħedha, u dan dejjem mertu tal-vot sovran tal-poplu.

L-esperiment ta’ Bruce

Se nħalli ftit dan l-argument fil-ġenb, u se nagħmel referenza għal xi ħaġa kompletament differenti imma li għandha sinifikat għal dan li qiegħed ngħid hawnhekk. Irrid nagħmel referenza għal dak li eventwalment baqa’ riferut bħala l-esperiment ta’ Bruce, esperiment ‘Rat Park’ li jibqa’ wieħed mill-aktar esperimenti magħrufin.

Fl-esperimenti ta’ ‘Rat Park’, il-psikologu Kanadiż Bruce K. Alexander u l-kollegi tiegħu fl-Università Simon Fraser fl-aħħar tas-snin sebgħin ippruvaw jifhmu aħjar il-kawżi tal-vizzju tad-droga. F’dan l-istudju, numru ta’ ġrieden tqiegħdu f’gaġeġ żgħar u tħallew f’iżolament, u ngħataw għażla interessanti bejn ilma naturali u ilma mħallat bil-morfina. Mir-riżultati ta’ dawn l-istudji, ħareġ ċar li l-ġrieden spiss jagħżlu l-ilma bil-morfina minflok l-ilma naturali, u li wassal għall-konklużjoni li d-drogi huma intrinsikament addittivi għaliex il-ġrieden kienu jibqgħu jixorbu sakemm imutu b’overdose. 

Madankollu, Alexander kompla josserva u ried jistabbilixxi jekk l-ambjent iżolat ta’ dawn l-esperimenti kienx qed jaffettwa r-riżultati aħħarija, jiġifieri jekk dawn l-imwiet humiex kawża tal-fatt li l-ġrieden jinsabu maqfula f’gaġeġ żgħar u f’ambjent ta’ iżolament.

Biex jittestja din l-ipoteżi, huwa ħoloq dak li ssejjaħ ‘Rat Park’, spazju mitejn darba akbar minn gaġġa normali li fiha kienu jinżammu l-ġrieden fl-esperimenti l-oħrajn, mimli ikel, roti għal-logħob, u oġġetti oħra għad-divertiment, u li fih kienu jgħixu bejn sittax u għoxrin ġurdien ta’ sessi differenti. F’dan l-ambjent soċjali u arjuż, il-ġrieden kienu wkoll jingħataw l-għażla bejn ilma naturali u ilma bil-morfina.​

Ir-riżultati kienu sorprendenti: il-ġrieden f’dan l-ambjent ta’ ‘Rat Park’ ftit li xejn kienu jixorbu mill-ilma bil-morfina, u meta xorbu minnu, ma għamlux dan b’vizzju. Dan jissuġġerixxi li l-ambjent soċjali u l-kundizzjonijiet tal-għajxien għandhom rwol importanti fuq il-ħajja tal-ġurdien għaliex l-influwenzi soċjali huma daqstant ieħor importanti. Mela, dawn l-esperimenti jindikaw li l-fatturi soċjali u ambjentali huma kruċjali dejjem.

Forsi qed tistaqsi x’inhi r-raġuni li għaliha qiegħed nikteb dan kollu. Irrid nagħmel analoġija – forsi ftit ambizzjuża – bejn dak li jiġri fix-xenarju politiku b’mod ġenerali u dak li ġara fl-esperimenti ta’ Bruce. L-ambjent politiku huwa kruċjali, u jagħti dimensjoni kompletament differenti fil-mod ta’ kif jaġixxi l-politiku.

Is-soċjetà hi importantissima

Id-differenza fid-deċiżjonijiet bejn politiku li jinqata’ mis-soċjetà u politiku li għandu l-influwenza ta’ u jista’ jinfluwenza lil ta’ madwaru hija kompletament differenti. Kemm huwa sewwa mela li nagħrfu li fil-politika, is-soċjetà hija importantissima tant li tbiddel l-attitudnijiet tagħna lkoll, u aktarx dejjem.

Il-poplu jaf jagħżel, u kapaċi jagħżel, u dan huwa l-istess poplu li f’kuntesti differenti, jaf jagħżel differenti. Madankollu, id-differenza bejn dak li hu sewwa u dak li mhux, hi dejjem evidenti.

Ikun tajjeb għalhekk li meta l-poplu jitkellem, u jitkellem bil-qawwa, nifhmu għaliex u ma nibqgħux inwebbsu rasna. Dak li qiegħed jiġri madwarna, jaffettwana l-ħin kollu, u kapaċi jsaħħaħna u kapaċi jkissirna.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Erbgħa 9 ta’ April, 2025.